Posts

Showing posts from April, 2024
Image
  Tajra.   It-tajra taret u għabet U meta ġiet lura biddlet ilwienha   It-tajra kienet drat il-bejta tagħha Iżd’issa l-frieħ rabbew il-ġwienaħ.   It-tajra ma baqgħetx li kienet Marret tbejjet x’imkien ieħor Jew inbidlet f’għasfur tal-passa.   Jien issa lsir maqbud f’dil-gaġġa Niġġieled l-iħirsa ta’ madwari Jew l-iħirsa li ħloqt jien.   Alfred Grech 26/2024
Image
  Xi Drabi . . .   Xi minn daqqiet ma nitkellmux. Għal jiem sħaħ u niftiehmu Inkella nitkelmu U lanqas biss niftiehmu Bnedmin immaġinarji Mimlija ħolm u ġenn U lanqas biss nitwemnu.   Ma kienx hemm aktar x’tagħmel Meta tlaqtli jdejja l-ħin waqaf Għalxejn trid terġa’ lura Lura hemm biss tifkira. Waqqaft għal ftit Ħadt in-nifs il-ġew U mbagħad trid terġa’ tibda.   Xi drabi mqar tgħannieqa Lil min qed jgħix fis-skiet Xi drabi mqar jekk tgħidli Li tifhimni Xi drabi jkun  biżżejjed Tfarfira fuq fuq mid-dwejjaq Biex nibda nitbissem mill-ġdid.   Alfred Grech 25/04/2024  
Image
  Hemm Barra*   Hemm barra hemm ksieħ Mhux ta’ jannar Hemm xfara kiefra Li ma taqtax Hemm wiċċ ma jingħarafx Li jdardar l-istonku.   Il-barra mill-fosdqa Hemm arja ta’ tniġġiż Hemm ritmi jgħaġġlu wisq Hemm nies ma tafdahomx.   Lilhinn mill-barrikati Hemm dinja mank tingħaraf Hemm velenu li jiġri biss Fil-vini Hemm ħdura li lanqas biss tifhimha U hemm attaparsi ġurnalisti Miżmuma fuq wiċċ l-idejn.   Alfred Grech 24/04/2024  * B'dedika lil Karl Azzopardi
Image
  Għada Niġi .   Għada niġi nħabbatlek ma bieb darek Sa ma ndejjqek u jkollok tiftaħli. Xorta ma tgħallimna xejn Mill-ħsibijiet li xtarrejna U li taqqlu dahar il-ħmar. Ebda fellus ma faqqas Ma ħareġ l-ebda farfett mill-fosdqa.   Għada niġi nittawwallek minn ġot-tieqa Taħsibnix xi ħamiema bajda Bil-werqa taż-żebbuġa Intektiklek mal-ħġieġa Jew niddendel ma ħoġor it-tieqa Romeo ġdid ossessjonat Bl-iskuża tal-imħabba.   Xorta waħda ma sibna xejn Xħin dħalna fis-deżert tas-solitudni. Għalhekk għada stennieni ġej Fuq żiemel maħrub Gwerrier ta’ dari.   Huwa aktar ta’ ġieħ li mmut bix-xabla f’idi.   Alfred Grech 22/04/2024.
Image
  Jekk Immut *   Jekk immut Ħallu t-tieqa ta’ kamarti miftuħa   Ħa nisma’ t-tperpir tal-ġwieneħ tal-għasafar U t-tpespis tal-frieħ li għadom qed ifaqqsu   Ħa nxomm ir-riħa tal-ħamrija Hekk kif tkun għamlet ħalba xita   Ħa nibda noħlom u nara ’l-din l-art tagħna fis-sebħ tagħha Mingħajr il-gru, mingħar il-konkos, mingħajr ir-rassa Mhix aktar fgata bit-traffiku U mingħar il-frott tal-affluwenza.   Jekk immut Ħallu t-tieqa ta’ kamarti miftuħa   Alfred Grech 21/04/2024   *B’apoliġija lil Fredrico Garcia Lorca
Image
  Għax Jiena .   Għax jiena ridt inkun mal-ġgajta mnebbħa, Li tifrex il-qawsalli kullimkien Fil-qigħ ta’ baħar fond ukoll ridt nogħodos, Ma nħalli xejn kif qiegħed jew kif kien.   Għax jiena nogħola ridt fuq ġwienaħ l-għana, U mmiss il-kwiekeb b’idi ta’ bil-lejl, U noħlom ħolm li qajla tista’ tfissru, U s-seher ngħix fi spazji ta’ bla kejl.   Għalhekk m’għandix għalfejn inħares lura, Twebbilt u hekk għamilt matul is-snin, Stagħġibt għall-kemm il-darba kif wasalna S’hawnhekk, u dan għax Alla hu ħanin.   Alfred Grech. 20/04/2024.
Image
  Il-Merħla Lluppjata.   Illuppjati dawn il-mogħoż Għax ħadd ma jaħseb b’moħħu Jisfida l-ikħal tas-smewwiet Il-gru mingħajr għajnejn U dawk il-ħnieżer li jilgħaqu l-art Issa saru ndaqs aktar minn ħaddieħor.   La taħsibx li se tgħaddi minn hawn Issa triq saret tagħna La taħsibx li se tinfed għal xi mkien It-toroq imblukkati.   Triq tqum min kmieni filgħodu Biex għad xi darba tasal Trid tibqa’ tard bil-lejl Biex ma jkunx hemm xi jfixkel.   Kulħadd taraħ jikkopja Lanqas li kien xi eżami Merħla ffissata u aljenata Ma tafx ser taqbad tagħmel.   Lanqas fejn tidfen mhu ser jibqa’ Nimlew il-krematorju Għax issa bdejna nibdlu Muniti elettroniċi U nirgħu fuq l-ambrożja virtwali Għax l-allat waqgħu minn fuq olimpu U nfaħnielhom fuq il-muntanja Tal-assurdita’ Fl-ingranaġġ tas-suq iseddaq Għax kollox sar jiswa’ l-flus.   Alfred Grech 20/04/2024
Image
  Il-Biki Tas-Sireni.   Il-biki tas-sireni ma qatax Għax il-mixi hu mblukkat Min serbut nemel Mhemmx għalfejn nilħqu l-miljun* Għax il-merħla tan-nagħġ fgata U l-ilpup u x-xakalli għamlu ħerba.   Il-biki tas-sireni ma qatax U dawk tal-kuruna tar-rand Bħal sufri jgħumu fil-wiċċ Telgħin u niżlin ma kull mewġa Iżda qatt ma jegħrequ.   Il-biki tas-sireni ma qatax Il-majjali dejjem jeħxienu U aħna tas-sotterran tal-indiema Nibku x-xemx ta’ filgħodu Nibku l-kwiekeb li ma narawx.   Alfred Grech 19/04/2024.   *Ingħad minn kemm il-fonti li biex ikollna ekonomija sostenibbli il-popolazzjoni ta’ Malta trid tiżdied għal Miljun ruħ. Fis 27 ta’ Marzu 2019 il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien irrappurtat li qal  biex ikollna metro f’dal-pajjiz bħala soluzzjoni tal-problema tat-traffikiku l-popolazzjoni ta’ Malta trid tiżdied. Sistema bħal dik tista’ ssir biss bit-taxxi li jżdiedu b’kemm tiżdied il-popola...
Image
  Matutin.   Kull filgħodu tiġi ssejjaħli Bħall-mewt liebsa l-barnuża Fuq liżar imtaqqal bid-dwejjaq U tistaqsini: x’ser tagħmel F’din l-għodwa li għada kemm stenbħet? Hemm għan li għallih inti msejjaħ Hemm fruntiera li għadek trid taqsam Hemm baħar li fih għad trid togħdos Hemm sema iħares fuq jum ieħor Jum ieħor pjuttost bħall-oħrajn. Jien niġi naqra f’għajnejk Ir-rfless tiegħi U nitolbok taqrali xortija Fil-faldi tal-ġilda ta’ wiċċi Fit-tikmix ta’ jdejja maħmuġa Bit-tajn li fih issawwart U minnu għaddejt. Jien niġi għandek Biex naqra fil-fanali t’għajnejk Liem’hija t-triq li minnha rrid ngħaddi.   Alfred Grech 18/04/2024 
Image
  Sbieħ Il-Jum.   Imdellel il-wied Fejn jaqgħu il-kaskati ta’ kliem li ma tlissinx U s-sema tat-trapass Idoqq il-qniepen.   Id-dwejjaq t’għodwa ġdida Bħall-liżar il-kefen Iġeżwer iċ-ċpar ta’ t’April.   Subgħajh kiesħa sbieħ il-jum Bħall-ilma tal-widien Biex ifittex jitfi l-fjamma Ta’ kull ħolma U jlibbes b’mantell iswed Lix-xewqat li jitwieldu.   Hemm volumi kbar ta’ kliem li jrid jingħad U oċean bla tarf għal min ibaħħar.   Xewk inigges is-sogħoba Bħal weraq tal-ħarifa Li tilfu l-ferħ li jgħixu Li dardru is-skiet li jaqa’ Fil-ġnien fejn lanqas għadek Tista’ tisgħar.   Il-ħsibijiet jitkaxkru Taħt id-dellijiet tas-siġar U xrara ma tkebbisx Żernieq ieħor.   Alfred Grech 16/04/2024.
Image
  Qrara.   Benniena dawn l-erba ħitan Taħt saqaf li jordom kull ħolma   Hemm barra hemm stejjer twal wisq Kull rokna mimlija tfesfir fil-widnejn.   Issa niżfen żifna Mat-tifkiriet tal-imgħoddi Orkesta ta’ waqtiet u ċirkostanzi U valse triste .   Kull dell li jgħaddi minni Jgħidli ġrajja Kull dawl li jiddi fuqi Jġiegħlni noħlom ħolma.   It-tgħanniq tal-bieraħ Fil-bir tad-destin U fil-ħemda u f’dan is-skiet Tkun tista’ tqerr.   Alfred Grech 15/04/2024.
Image
  Hawn Nibqa’.   Qalb il-bufuri u r-riħ j onfo ħ u qalb l-irwiefen Imkebbeb qalb il-folla timxi tgħaġġel Tfittex il-mogħodijiet mitlufa Fi ġlieda mal-għanqbut Tal-biża’ u tad-dubji.   Jien noqgħod hawn irrid Nitkaxkar fix-xquq ta’ dal-ħitan Fejn iż-żmien jieħu n-nifs U qatt ma jsejjaħ. Hemm barra l-ġejjieni Isuq bit-torċa tħeġġeġ.   Qasira s-sensazzjoni Ta’dan il-waqt sospiż Biex jiena nibqa’ mdendel Ma nifs il-ħajja.   Min irid isalpa Ġo baħar ta’ bla xefaq? Aħjar ankrat fis-skiet imbennen Ifesfes f’widnejn il-lejl Il-ħsibijiet ta’ moħħi.   Jien ma rridx nitlaq Hawn irrid nibqa’   Alfred Grech 14/04/2024
Image
  La Taqta’ Qalbek Qatt.   La taqta’ qalbek qatt u qatt la tieqaf, Il-mafkar li għad tħalli jkun jingħaraf Minn ħafna mili ’l-bogħod u jaf jingħażel Il-leħen ċar minn fost il-ħafna ħsejjes.   Imqar fuq sema kwiekeb tista’ tiddi, Tispikka fost kull kewkba li qed tpetpet U tkiun il-kewħba ġdida illi tnebbaħ U turi t-triq ’l-min irid isibek.   Ma jimpurtax jekk leħnek għd jintilef Fost it-twerżieq, għajjat, kakafonija, Għaliex ftit huma l-ilħna li jingħarfu U ftit widnejn li lesti li jisimgħu.   Alfred Grech 13/04/2024.  
Image
  Żmien.   Tkun bla waqfien kull mewġa tiela’ u nieżla’, Tibni mbagħad tħott u minn fejn tgħaddi ddardar; Fis-skiet tal-lejl issellem lill-ħin wieqaf U kull twelid lil mewt f’għajnejjha jħares.   Trid toqgħod tgħodd ir-ramel fuq xi xtajta Biex tgħid li għad xi darba mqar waqt wieħed Ta’ tarf l-eternita’ int tista’ tħaddan U taf ukoll li l-wirt iġġorru l-ħamla.   Jinħasel waqt ta’ ferħ bid-dmugħ tan-niket; Jinfetaħ ktieb il-ħajja mbagħad jinħeba Kull kelma bħal kull ħsieb fis-skiet tintrema’ U ż-żmien hu biss kurrent bla tmiem jew bidu.   Idejn is-snin tal-ħalġ ir-rota jdawwru Biex kollox jgħaddi u xejn ma jibqa’ x’jixhed, U taħt il-pis tas-snin l-imħabba togħtor U jaħsel waqt ta’ ferħ id-dmugħ tan-niket.   Alfred Grech 12/04/2024.  
Image
  Dieqa.   Il-punt tat-tluq intesa’ l-arkata trijonfali issa ġġarfet u wara kull wegħeda jibqa’ biss id-dwal inemnem.   Hemm bieb li minnu ngħaddu U xefaq fejn hemm moħba Li għadna rridu nikxfu.   Ikbar mid-dellijiet Hemm sfida ta’ sema li jinżamm Fuq spallejn is-siġar qodma Biex imbagħad Ix-xemx tiddendel Biex tnixxef in-nida ta’ fuq xfar l-għajnejn.   Mit-tieqa ta’ kull torri Jittewweb il-ħolm għajjien.   Urini triq mitlufa Li fiha nsib is-saħħa Itlaqni fost il-ħalel Tal-ħsibijiet ta’ moħħi.   Alfred Grech 11/04/2024
Image
  Qtar Il-Kwiekeb.   Qtar tal-kwiekeb Minsuġ fil-kliem Maqtugħ bix-xafra Firxa ta’ lwien Magħġuna fis-snin Irewħu l-grigal Alkimija ta’ xefaq L-eternita’ U ħolm tal-anġli mpinġi Bizzilla fis-sema Imħażżeż fir-ramel U ma jixjieħ qatt U sadanittant Il-kwiekeb jaqgħu Biż-żmien.   Alfred Grech 10/04/2024
Image
  Malinkonija.   Bibien il- ġ enna tieg ħ ek imbarrati Xejjirtlli kemm il-darba mit-turretta Għalx ejn g ħ ax g ħ adek qatt mhu sejjer nasal, Spiċċajt tellief u kelli nerġa’ lura.   Urejtni t-toroq kollha mnejn stajt ngħaddi, U l-mogħdijiet li ħadd ma jgħaddi minnhom, Fi dlam il-lejl il-qniepern kollha siktu, U siktu wkoll l-iħirsa li widdbuni.   Ir-riħ ivenven waqt li s-sema ddallam, Il-qamar għax migdud kien mar jistaħba, Il-mewt bdiet tħares lejja minn ġol-mera U inti bqajt ixxejjer mit-turretta.   Alfred Grech 09/04/2024
Image
  Lil Ommi.   Baħar kien hemm Iżd’issa nixef; Sema ieħor Li issa ddallam. Kien hemm nar Li issa ntefa’. Ħolma ma kienetx Għax jiena għextha. X’isir mill-ġrajja Li ma tinkitibx?   Ħolma ma kienetx Għax jiena għextha; Int kont fit-tarf ta’ sqaq Qed tistennieni, Kont f’tarf it-triq Qed titbissimli.   Ħolma ma kienetx Għax jiena għextha . . . Tat-twerwir Iż-żmien li jibqa’ għaddej.   Alfred Grech 08/04/2024