Wied L-Infern. Lilhinn mill-agħa tal-folla Ix-xewqat li qatt ntilfu Jirgħu u jitlajjaw fil-kesħa ta’ Wied l-infern. Lilhinn mill-agħa tal-folla Il-baħar jimla’ u jofroħ Bħal sider tiegħla u nieżel Mal-hoss ta’ qalb qed tħabbat. Għax xejn ma joqgħod kwiet U ħadd ma jibqa’ wieqaf In-nies titħabat dejjem U l-ilma tal-gelgul Jintona ż-żmien għaddej. Irrid immur x’imkien Fejn is-seħer iberred id-dieqa Inġazzata ġewwa sidri Il-bogħod min-nies Li jagħmlu l-ħajja daqshekk tqila Fejn l-aħħar raġġi tax-xemx fietla Imellsu ’l-ruħi. Alfred Grech 24/09/2026
Posts
Showing posts from September, 2026
- Get link
- X
- Other Apps
Tibqa Int. Imqar jekk ma tajtnix Biċċa mid-drapp tiegħek Xorta waħda bqajt insibek f’nofs l-eklissi Ta’ dawk il-ħsibijiet Li jfeġġu xħin kollox hu mitluf. Inkun tliftek f’nofs l-eternita’ Ta’ vjaġġ lli qatt ma beda Jew f’laqgħa ta’ bejnietna Li baqgħet qatt ma saret. Iżda tibqa’ int il-bewsa mmaġinarja F’kull xewqa qatt milħuqa Bnejtli l-binja tal-ħolm tiegħi. Alfred Grech 25/09/2026
- Get link
- X
- Other Apps
Ħallieħ Ħa Jgħaddi ż-żmien. Hallieħ ħa jgħaddi ż-żmien Xmara li qatt ma tistaqsik Jekk intix lest taqsamha. Tiġrix wara l-kurrent Lanqas tħaqqaqha mal-minutiera tal-arloġġ Imqar għal siegħa waħda Lanqas għal darba biss ma trid tistħajjel Verżjoni ġdida għalik innnifsek. Ħalliħ ħa jaqa’ r-ramel Minn bejn subgħajk Iġorru l-ħsibijiet tal-bieraħ U l-għeltijiet tal-għada. Għax ix-xemx titla’ Imqar jekk tibqa’ rieqed Il-weraq jaqa’ Imqarr jekk ma ssellimx Imqar jekk tibqa’ sieket Ħallieħ ħa jgħaddi ż-żmien Filwaqt li tikkuntempla Id-dawl jitkaxkar mal-art Il-kitla tibda ssaffar U r-radju tal- ġar tiegħel Li ma jistaqsix Jekk tridx tisimgħu. Ħallieħ iż-żmien għaddej Bħal ferrovija li ma tilħaqx Int ibqa’ hawn Tixtarr l-għabra tgħum fir-raġġ tad-dawl Terfa’ t-toqol ta’ ġismek Ankrat ma dan il-waqt. Inti mintix megħlub Għax jista’ jkun li hekk Għad tista’ tasal X’imkien. Alfred Grech ...