Posts

Showing posts from December, 2024
Image
  Dis-Sena Wkoll.   Dis-sena wkoll lesta biex tgħaddi Taħt il-koppla ta’ nifs l-għabex Fil-kurituri iserrpu ma-velu taċ-ċpar Ilissinu sigrieti ta’ jiem   mhumiex mgħaduda. Il-kliem jiltwew, jitbewsu ma xulxin imbagħad jinfirdu Jintifu mal erwieħ fil-labirint minsuġ miż-żmien Biex isiru l-irmied tas snin l’għaddew. Kull pass mistoqsija, Kull liwja motiv Ifittex dak li qatt ma jista’ jkun. Int qed tinbidel L-istess bħall-poeżija. Dis-sena wkoll taret mal-għabra Tal-knis mal-ħina għaddej Jgħaddi lil kulħadd biż-żmien   Alfred Grech 31.12.2024
Image
  Inkiss Inkiss Int Qbist Għan-naħħa L-Oħra.     Inkiss inkiss int qbist għan-naħħa l-oħra Bħal dell li jgħib fl-iskur ta’ ġmiel il-għabex Kliem mejjet fuq xuftejn li qatt ma tniffsu. Għalhekk, minn jaf x’inhu għaddejn minn moħħok? Kull mistoqsija ġġedded il-misteru Biex mort issib fejn int, imbagħad ġejt lura Mill-artijiet fejn   lanqas tħażżeż mappa. Kull ma tkun trid hi biss imbuttatura Ta’   żiffa riħ li jonfoħ tamiet ġwejda U salmi jnewwaħ minn wara l-kantunieri Biex   dellek jibqa’ hawnhekk madwari jiżfen. Trid tibqa’ hawnhekk f’sensiela ta’ rakkonti, Fit-tifkiriet li ż-żmien qatt mhu se jħassar. Int mort u ġejt, tweġiba qatt ma ħadna Imma t-tweġiba hawnhekk, fejn inti qiegħda, Fejn ħafna dellijiet jieqfu jissemmgħu. Fejn l-ilħna kollha jtennu: Int hawn qiegħda.   Alfred Grech 29/12/2024.
Image
  Int Tista’ Tkun Għalija.   Int tista’ tkun għalija anġlu tas-sema Inkella ġejt fatat ma nafx minn fejn, Imbagħad xħin jgħaddi ż-żmien issir dimonju U tkun d-dannazzjoni tagħna t-tnejn.   Int tista’ tkun il-kewkba ta’ filgħodu Li tqanqal sensazzjoni ta’ jum ġdid, Xi ħadd li mhux tas-solti li ltqajat magħha U ruħi nsib malajr fost it-taħwid.   Illum narak qed tiddi fis-sbuħija, Imbagħad f’xitan tinbidel f’qasir ħmien, Għax kull ma jmur d-dija tibda tnaqqas, Titbiel malajr, ma jibqa’ xejn kif kien.   Illum narak sirena seduċenti U nara kif insodd dawn il-widnejn, Biex ma naqax ilsir tal-għana tiegħek U lanqas noħlom dak li mhux ta’ b’xejn.   Inħares lejk bħal xbiha ġo xi nkwadru, Inkella xi ġojjell li ma tmissux, U nibqa’ ngħid li int bħall-għeneb qares, Għalija qatt ma kien għax ma lħaqtux.   Alfred Grech 24/12/2024  
Image
  Milied Li baqa’ Qatt Ma Wasal .   Għaliex m’għandhomx ikunu hekk il-ġranet Bħall kieku lanqas biss ma jisbaħ l-għada, Il-qniepen qed idoqqu l-innoċenza Ferħana għaliex qed ngħixu dal waqt wieħed? Għaliex iż-żmien għaddej inaqqar dejjem? Tgħabbejna  wisq bit-toqol bla ma ridna, Kull pass li qed immiddu tħossu itqal, Kull ħsieb bħal mażra mdendla u qed jissikka. Għaliex bħall-ilma ġieri tan-nixxiegħa Nitgerbu għaddejjin bla ma niddardru Għaliex bħall-ilma ċar mill-lewn is-sewwa Ma naqtgħu qatt u ntaffu b’hekk kull nixfa? Għaliex m’għadniex noħolmu ħolm tat-trabi Xħin kollox kien sabieh u ta’ bla dnewwa? Għax kbirna u ma bqajniex intogħmu l-ħajra Ta’ kull Milied li baqa’ qatt ma wasal.   Alfred Grech 25/12/2024
Image
  Il-Maltin Ta’ Llum   U sirna pellegrini fl-art imwiegħda Għax artna saret lanqas għad tesgħana Bla mappa u mingħajr xefaq emigranti Naħarbu minn fejn ġejna u lilna nfusna.   U sar għarib għalina l-post fejn drajna Inkella qalbna teħber għall-xi btala Minn naħħa għall-oħra nfittxu sensazzjoni Bla nieqfu qatt nistaqsu: hawn fejn ġejna?   Infittxu li ninsew mnejn darba tlaqna Nikkalpestaw it-trab minn kull fejn ngħaddu Għaliex il-bejta tagħna issa tkasbret U nqabna nfittxu fil-baqalji vojta.   Minn kull fejn ngħaddu n-nies qed tistsaqsina Mintomx il-ġens li twieled bla ma tnissel? Bħar-riħ li jdur u jonfoħ bla ma jderri U miegħu dorna dawra mejt mal-bqija.   Alfred Grech 23/12/2024.  
Image
  Kewkba Tal-Milied.   F’lejla ta’ skiet, l-irqad mhux biex iserraħ Ġo dinja ta’ taħt fuq   bilfors niġġieldu Fuq xefaq ta’ bla truf titwieled kewkba U tinfed bir-raġġ tagħħha qlub l-argużini. Bħal ħolm f’għajnejn il-fqir it-tama twiegħed B’dawlitha tolqot l-art li qed tistenna Iżda l-aħbar mhux għal min fit-trunċieri Bil-pika min minnhom joqtol l-aktar. L-imħabba issir omm, issir tarbija U taqta’ l-ġuh u b’bieqja tisqi l-mija Mexxiet lis-slaten minn inżawi mbiegħda Sakemm mad-dawl il-ġdid iż-żmien inbidel. Lejl ieħor fejn l-imgħaddi reġa’ magħna Raġġ ġej mill-bogħod ma tafx il-bidu tiegħu.   Alfred Grech 20/12/2024
Image
  Imnalla.   Imnalla ma kellekx ftit ħin għalija F’dibattitu bla tmiem bejn mewt u ħajja, Bejn dak li rrid u dak li għandi nagħmel Bħal dawk l-għanjiet li jgħanni kull poeta Li ta’ kuljum għad jibdlu l-ħajja tagħna U jwessgħu dawk l-ispazji li ninħtieġu. Imbagħad staqsejt ukoll għaliex weġġgħuni, Għax jien ma kelli xejn minn ta’ ħaddieħor.   Alfred Grech 19/12/2024    
Image
  Ħalliha.   Ħalliha din ix-xewqa li trid taħkem U tieħu taħt idejk dak li mhux tiegħek, Ħalliha li trid tkun eroj kull darba Konkwistatur tal-ħolm u l-bżieżaq fl-arja.   Dawk huma bżieżaq fl-aja li jinfaqgħu, Xbihat, bnedmin jikrieħu jew jixjieħu, Triqat li minnhpm ġa għaddejt u drajthom U taf xi tħoss xħin tgħaddi s-sensazzjoni.   Daqlwaqt ma jibqa’ xejn għajr it-tifkira Tal-ors, ta’ dan il-ġiri dis-sbuħija Dal-paradoss ta’ ħajja efimerali U xejn li ma jidhirx għajr dak li jidher.   Alfred Grech 18/12/2024
Image
  Tfesfis Fil-Widnejn.   Fil-ħemda ta’ filgħodu sbieħ it-tama Filwaqt li d-dellijiet jibdew jitbiegħdu, Id-dawl bil-ftit il-ftit ikompli jaqdef Ħiereġ mill-bir, tad-dubji jew tal-biża’.   Jiżfinha waħdu ż-żifna fuq iż-żiffa Tfesfis irqiq sakemm tinħass il-leħma, Bħall-leħħ fid-dlam il-lejl ta’ xitwa kiefra Tkun wegħda li żammejna lilna nfusna.   Kull demgħa li tiżżerżaq l-art issaqqi. Biex tkabbar xitla ġdida fi ġnien l-Għeden, U tħaddar it-tamiet ta’ qlub imjassar Kull pjan, kull ħsieb isir tappezzerija.   Għalhekk kull meta l-lejl jitwal int ftakar F’dawk il-ġrajjiet li għad trid tirrakkonta.   Alfred Grech 17/12/2024
Image
  Pietro Da Morrone.   T g ħ idli x li taf li jiena stess kont bdejtha Dil-logħoba tal-poter u seduzzjoni; Kun af li aħna wkoll maż-żmien ninbidlu U xejn ma jibqa’ jgħodd bħal ma kien qabel.   X’jiswa’ dal pis li qed inġorr fuq dahri Jekk jien fuq dan it-tronn qatt ma ridt nitla’ Jekk għalija biżżejjed kien li nibqa’ F’dan l-ermitaġġ ngħix ħajja solitarja.   Issa, ħallini mmur nirtira waħdi Biex aktar ma nidħaqx jien bija nnifsi Ninża’ l-mantell u s-simboli tas-setgħa U lura nerġa’ għall-eremit ta’ darba.   Irrid ninħeba hawn qalb il-muntanji, Fejn il-widien isiru mezz ta’ firda, Fejn il-foresti jkunu l-barrikati U s-skiet tfixkil għal min irid jifhimni.   Alfred Grech 13/12/2024  
Image
  It-Tmiem.   It-tmiem għad ikun merħi bħal tnehida, Tlissin minn taħt l-ilsien bla ma jinftiehem Bħal passi bit-takkuna li jintilfu Fl-arja u wara jaqa’ s-skiet, xejn aktar.   Bħal weraq illi jaqa’ minn ġos-siġra, Tinwir ħiemed; ix-xemx tintħall fil-baħar. Tieqaf il-minutiera għax bla ħabel U r-riħ sinjal iħassar fuq ir-ramel.   Ma taħsad ebda leħħa ta’ sajjetta, It-tmiem ikun fis-skiet mingħajr tħaqqiqa Ikun biss l-aħħar linja tal-istrofa Ta’ poeżija miktuba minn ħaddieħor.   Musbieħ il-lejl inin sakemm jintefa’ Inkella bħaż-żerriegħa li tintradam Bit-tama li pitgħada tikber siġra, It-tmiem ma jkun fiħ xejn: kapitlu ieħor . . .   Miktub fuq dak li lanqas għadna nafu.   Alfred Grech 12.12.2024.    
Image
  U Issa Lanqas Żmien Biex nerġa’ Lura.   U issa lanqas żmien biex nerġa’ lura Ma fadalli; ma baqa’ mkien fejn nimraħ Għax issa wkoll ix-xefaq ġa sparixxa, Għax issa nżul ix-xema inbidel fl-għabex.   U jien ma xtaqtx li ż-żmien għad jiġi Fejn jixfu l-għajn u l-ħdura ta’ dal-wileġ, Iż-żmien fejn lanqas xrar nar ma tkebbes In-nar f’deżert ir-ruħ fis-sogħba tagħha.   Ma xtaqtx li dak iż-żmien għad jerġa’ jasal Fejn lanqas biss ma tibqa’ tara timxi, ix-xhur għaddew bħar riħ li baqa’ jvenven u jmewwet kull tbissima jew tnegħida.   Irrid infittex għami li jiftaħli Il-bieb ta’ ġenna oħra f’ħolma ġdida Mingħajr ma nħares lura jew nistenna l-imgħoddi li f’xi ħin għad jerġa’ jgħaddi.   Irrid, jekk għad ix-xita tibda traxxax Nerħilha tinżel f’art aktar għammiela Bit-tama li kull qatra tnissel warda U ma jkollux għalfejn jibdieli jerġa’.     Alfred Grech 08/12/2024.
Image
  Il-Lejla Qalb Iż-Żiffa Ġejt Infittxek.     Il-lejla qalb iż-żiffa ġejt infittxek Fl-ilwien efimerali tal-qawsalla, Fil-ħolm illi tinsieħ xħin tqum filgħodu, Mal-ħsibejiet li jroxxu bħad-dulluvju.   Il-lejla nibni torri tal-ivorju Mnejn noqgħod nittantak inti w għaddejja, Insalpa lejk fuq bastiment tal-karti F’ċirku vizzjuż ta’ serp idur għal denbu.   Ma nafx taqbilx li dak li hemm bejnietna Hu biża kbir li nispiċċaw weħidna, U ma nsibux irkabtu kif neħilsu Minn dan id-dell li jippersisti wrajna.   Alfred Grech 04/12/2024 
Image
  Dwejjaq.   Bħaċ-ċpar li ma tarax imma li tħossu U skiet fejn l-ebda diwi ma jirbombja’ Sefsif f’widnejn li lanqas biss jisimgħu Għanqbuta illi tgħatti x-xemx f’mixietha.   Din dinja li tinħeba ġo qoxritha Kull pass sar tqil, kull nifs ġo ħabs ta’ sider Bħal prova ġenerali tal-mewt riesqa, Jekk tħares fiss fil-mera hemm barrani: Min hu dal-ħares ħiereġ mill-irkejjen.   Jersaq il-lejl bil-mod, arja marsusa, Mingħajr mistrieħ il-ħolm li l-biża’ jwelled Bħal meta l-baħar jofroħ jew jirtira Battalja ta’ kuljum qatt ma tintrebaħ.   Alfred Grech 02/12/2024
Image
Biex Ma Taqax Fid-Dwejjaq.   Biex ma taqax fid-dwejjaq Trid toħloq sema ġdid U tagħmel ta’ bir-ruħek Li sirt int tal-ħadid.   Biex ma taqax fid-dwejjaq Trid taħrab minn dal-ġenn U ssir bħal eremita U tfittex biss il-kenn.   Inkella tisker sakra U tinsa’ li qed tnin Biex f’daqqa waħda jieqaf Il-mixi ta’ dal-ħin.   Jew tagħmel ta’ bir-ruħek Li d-dinja teatrin U int attur mill-aqwa U aktar mhux miskin.   Inkella għix ibd’issa Taħilx ma ebda ħsieb Li ġej u għall-imgħoddi Trid tagħlaq fis il-bieb.   Alfred Grech 03/12/2024
Image
Lejlet L-Inevitabbli.   Għalhekk l-arloġġ itektek il-battuti Għax kull sekonda bid-destin mtaqqla U l-arja riħ irewwaħ sħana siekta Biex b’hekk l-appuntament il-ħin imejjel.   Jiltaqgħu elf mogħodija fi sqaq wieħed. Kull għażla pass; kull nifs sar amar; Lanqas fejn tista’ tmur jew terġa’lura, Kopjun miktub u aħna biss atturi.   Is-sema mdendel tqil b’għajnejn li jgħarfu Is-sħab mibrum tal-ktieb iqalleb paġna, Il-kwiekeb ma jpetptux,ma jgħidux gideb Id-dawl li jixħtu jixhed rima ġdida.   U xorta waħda r-ruħ tirvilla u tagħdab Il-ktajjen tal-ħadid bis-sħiħ tisfida Għaliex it-tama ssaltan fil-qiegħ tagħha Biex terġa’ tqum u  l-kors qalil iddawwar.   Riesaq il-lejl filwaqt li joqrob, l-għada Il-verita’ tkun ċara u kristallina, Minkejja l-ħolm, qalila tkun il-ġlieda Bejn dak li tkun tixtieq u li jrid għad jiġri.   U hemm wieqfin fix-xfar ta’ xorti ġdida Ma ċedejniex u lanqas iddisprajna Iżda bil-kalma kollha l-ħsieb qed joqgħod Biex naċċettaw dak li ser jib...