Jien Tlift . Jien tlift it-tama kollha f’dan pajjiżi Għax dak li konna ngħożżu tar mar-riħ, Xi minn daqqiet nistaqsi jekk hux jiena Li nara kollox tqil għax qed nixjieħ. Ma baqa’ ħadd li tista’ torbot fuqu Għax il-flus biss jiftħulek il-bibien; Għax kollox għandu preżż, kulħadd jinxtara U bit-tbagħbis jinħattu sas-sisien. U b’din l-ekonomija dejjem tikber Jiftaħru li ġejjin b’hekk il-quddiem, Insew il-ħsara kollha li jġib miegħu Żvilupp bla lġiem u qorob issa t-tmiem. Għax ma jsir xejn ta’ fejda biex nitjiebu Jekk mhux sabiex jitħaxxnu l-bwiet tal-ftit, Joħolqu pjanijiet sabiex igawdu In-nies tal-qalba; uff!!! kif qtajt l-aptit. U issa bdejna wkoll indaħħlu d-dubji Biex lanqas lilhom stess mhu qed nafdaw Fgajtuħ pajjiż u dejjem hemm xi nasba X’jimporta jekk falluti għad nispiċċaw! Alfred Grech 31/08/2024
Posts
Showing posts from August, 2024
- Get link
- X
- Other Apps
Imqar. Imqar is-skiet għandu reġun Xħin tiżbroffa n-nixxiegħa Li baqgħet muta għal bosta jiem. Xħin isir il-ħin Issir ħaġa waħda mal-irwejjaħ ta’ maġenb it-triq. Tibda tgħaddi minn dawk il-mogħodijiet Li minnhom tkun għaddejt U tittama li d-dbubietek issa nħafru. Ma jkunx għalxejn inżul ix-xemx U l-mixi fuq ix-xifer Jekk għad xi darba qum min ngħasa U nsib li jien ħsieb ċkejken Jekk għal kull qatra xita illi traxxax Għad tiftaħ warda ġdida. Alfred Grech Ta’ Ċenc 29/04/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Jintefa’ D-Dawl. Jintefa d-dawl U dil-kummiedja qatt ma kienet Għax mhemm imkien fejn seta’ jiġi mnaqqax Dal-kopjun u dax-xenarju. Qed nikteb għanja ġdida Fuq ritmi li ma nafx Inbieħ il-kelb Tinwieħ ir-riħ ivenven. Xħin tmut ix-xemx ma tisbaħ ebda għodwa U kull suġġeritur Jinħeba wara l-kwinti. Ifehem għaliex jien ngħożżhom wisq l-aħħar xrar ta’ dil ġurnata Il-friefet tilfu l-lewn u tilfu l-ħeffa Ġo ġnien li ma jħaddarx Lanqas ma jwarrad. Dan ġiri wara r-riħ fuq dahar xi sħaba Bużżieqa li tintefaħ u tinfaqa’ Alfred Grech 29/08/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Trapassar. Hemmhekk g ħ ad ni ġi n ż urek fejn jispi ċċ a Tal-blugħa l-ħolm fuq mewġ bejn art u baħar Fir-ragħawa ta’ fuq xtajta fejn titfarrak Il-qawwa u d-dagħdija tal-burraxka. Hemmek bid-daqq tat-trombi jew tat-tnabar Taħt qamar qed jistagħad għall-ħoss tal-grillu F’dik l-għera ta’sisien taħt dmugħ il-kwekeb, Ħa ndoqqu t-trapassar u l-marċ tal-aħħar. Alfred Grech 25/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Lamentela. Fittixt rokna fejn nistken Iżda bħan-nemel Dil-purċissjoni ma twassal Għal imkien. Din hija xtajta li fuqha Jitfarku l-wegħediet. Il-wileġ li ma baqgħalu xejn x’joffri, l-agħasafar tal-priża ħatfu kollox. Għaddejt minn kull tiġrib Bla ma ħassejtu U għolejt ’l-fuq mis-sħab Biex nista’ nara kollox U għalhekk bla dispjaċir Ngħidilkom: Saħħa. Alfred Grech 24/08/2024
- Get link
- X
- Other Apps
195 . Imqar jekk din mhi xejn għajr ologramma, Duħħan u ċpar li jgħib fl-abbissi tiegħu, Iħalli sens li nqajt mill-art, qed togħla ’L-fuq , il-fuq mill-qċaċet li jordmuna ’l-barra minn dal-ħabs fejn tkun tiskonta Sentenza li ngħatat xħin kont assenti, Sentenza li tingħadd biż-żmien li jgerrem Bil-mod il-mod dal-ġisem vulnerabbli. Intennu ta’ kull darba l-litanija Bit-tama li xi darba għad nintebħu X’hemm wara dak il-għamad li qed jaħbi Ix-xewqa ta’ kull wieħed bla jintebaħ li għad xi darba nqumu b’għafien akbar Li din xejn. Din kienet ħolma oħra. Alfred Grech 20/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
194. Ma nafx jekk terġa’ tiġI ngħannqekx miegħi, Inkella nħossx il-kejl tal-bogħod bejnietna, Inkella nsibx li qdiemet din ix-xitwa Ġo friex li ma jsaħħanx dil-qalb marida. Ma nafx jekk il-kanċell jerġgħax jinfetaħ Inkella noqgħod f’tarf is-sqaq innemmes Bit-tama illi t-tajr għad jerġa’ jqassi U ninsa’ l-mil li mxejna bla ma ltqajna; Jekk ninżel ngħum għadx nista’ nerġa’ nitla’ Ir-raġel ġdid li taħseb li qed tara, Inkella xi farfett Ii nesa’ n-namra Fuq warda li mal-għabex mejlet rasha. Hemmhekk u f’dak il-waqt pinġini anġlu Biex nista’ jien ukoll inrabbli l-ġwienaħ Alfred Grech. 18/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
M’Għadux Iż-Żmien M’għadux iż-żmien li nibda wieħed wieħed, Inħott it-torrijiet li bnejt fir-ramel, U nfesdaq ful u ċiċri biex xi darba Mil-ġdid nitwieled tifel ta’ foresta. Hu ż-żmien li niġbru ż-żġieġ minn fuq ix-xtajta U ngħożżu l-margariti illi rmajna, U ngħoddu bil-maqlub il-jiem li fadal Biex nistgħu ngħidu illi hekk qed ngħixu. Alfred Grech 17/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Ħanqa ta’ Ħmar . Ħallieha ħa toħroġ waħeda Il-karba ta’ poplu maħnuq Il-qilla ta’ min jinsab mirfus Tal-għanja tal-pupi li bħas-sufruni Jogħolew u jinżlu Ma mewġ il-ħażen. Ħalluha ħa toħroġ Tal-merħla bla rgħaj l-imbe’ tal-mogħoż jirromba Destin aħħari ta’ xiferl-irdum. U l-kotra tibqa’ miexja Fil-ħmar il-lejl tal-għada Li ġa taf x’seta’ kien Li fasslet bl-godod tagħha Li fasslu l-pseudo għorrief Li wrewha trejqa b’oħra Li ħasbu u ħolmu ħrafa Li mlew għajnejn il-kotra Bil-ħafna lwien. Ħallieha ħa toħroġ u tibqa’ tiela’ Għaliex mhi xejn għajr Ħanqa ta’ ħmar. Alfred Grech 16/08/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Santa Marija Ħa jdamdmu dawk kull m’hawn, jaħarqu fwiedhom Bin-nar ikkulurit tal-ġigġifogu Bid-dmugħ tas-sema nieżel qisu xita’ Jew borra f’nofs ta’ sajf, fl-eqqel t’Awwissu. Ma tara l-ebda kewkba feġġa għaddejja U lanqas denb ta’ missili sploduta. ’l-fuq mnejn tista’ tilħaq l-għajn qed jidwi Tinwieħ il-kukkudrilli bl-għaraq nieżel U n-nar li jaħraq bosk mingħajr il-ħatab U l-ħoss tal-ġlied, u l-gwerra li se tfaqqa’ Marija tiela’ s-sema trid teħlisna Mil-kontra temp taż-żminijiet tal-aħħar Għaliex tassew tad-dinja wasal l-aħħar. Alfred Grech 15/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Levita Tisfen ir-rimi sataniċi Bħal iblaħ ma tafx għaliex Itterraq id-dlam ta’ nofs ta’ lejl Mal-arbli tal-bnadar milwija. Imqar jekk pinġejt mal-ħajt ix-xiwi ta’ qaddis fuq gradilja il-ħolm li ħlomt baqa’ mxajtan bħar-ritmi tal-ħsejjes lli smajt. Qalu ser nagħmlu disco Imqar jekk ħadd ma jiżfen l-aqwa li nżommu n-nies imqajma għax il-festa tiġi biss darba fis-sens. Alfred Grech 11/08/2024
- Get link
- X
- Other Apps
It-Tokk. Jitqaddu flimkien l-imwejjed U s-siġġijiet mal-pedestalli u mal-planċier. It trofej mgħobbija bil-bnadar u bil-bandalori Biż-żiffa li bqagħet ma ġietx Għax awwissu nefaħ x’imkien ieħor U d-dmugħ ta’ San Lawrenz iroxx beda l-istennija ta’ ħafna ġid. Trid tkun wisq demmek biered Biex tiflaħ in-nifs Tal-irwejjaħ li jinħmew Mal-ħmieġ tal-għasafar. Laqwa li r-rota ddur u l-ħorġa tal-innominati tmtela’ sa fuq nett. Illum iddur aktar Għax riekbin fuq ix-xarabank Tal-ħmar il-lejl. Alfred Grech 09/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Nittajjar. Filgħodu nittajjar mal-fewġa Li tnebbaħ is-sebħ tal-ħolqien; Xtaq leħen u tlabha, hi tagħtni, U tqassam in-dawl kullimkien. F’lgħaxija weħida ġiet l-għanja U mbagħad kollox reġa’ għal li mkien Jitwal beda d-dell ta’ kull għolja Bis-seħer ta’ qamar fiddien. Għawnhekk tista’ taqbad xi ħolma Bil-kopp jew xi ħuta tal-qiegħ Kull nifs ta’ bla lewn hekk jintradam Mal-fewħa li għeret għalih. Maż-żiffa li tħokk mal-kampnari Li tgħannaq il-ġnub tat-tfajliet Awwisti li jgħomu f’akwarju Taħt xemx li qed taqli qatigħ. Alfred Grech. 06/08/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Dan Madmad Ġdid. Mhemm xejn sabiħ u għażiż fil-ġrajja tiegħek, Int ċkejkna kont u ċkejkna bqajt: dak sehemek. Il-barranin li ġew saffewlek demmek, U xħin għasruk irmewk bħall frotta mqadda. Mhemm xejn li lili jista’ jagħmel kburi F’għemilek, fil-ħiliet, fli tista’ toffri; Għalkemm imkabbra ’l-barra mix-xtut tiegħek Tintebaħ kemm int ċkejkna, O Malta tiegħi. Għamilna passi kbar xħin sirna ħielsa Mil-madmad tal-barrani u mbagħad irqadna, Biex żmien bi żmien ħallejna lill-ħajjiena Jixtruna jew bi flushom ijassruna. Mhux tal-Qawwiet il-Kbar jew tal-furbani: Dan madmad ġdid tal-ispekulaturi. Alfred Grech 05/08/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Ejja Ħa Nkomplu Ninsġu Ejja ħa nkomplu ninsġu Għax aħna biss bnedmin, In-newl iwieżen lilna, Insiħ il-pjan divin. Ejja ħa nkomplu ninsġu Ħa nsibu s-sens fl-insiġ, Insieħ mil-kwadru kollu Imżewwaq b’kull kastig. Għax jien ridt inkun jiena U lewni bħaż-żernieq, Tar-rużinjol il-leħen U qalbi fit-twettiq. Alfred Grech 01/08/2024