Posts

Showing posts from November, 2023
Image
  Ġamar.   U issa int ukoll waqaft tfesfili U trawwem ġewwa moħħi elf mitt ħolma Tqajjimni minn-ngħas ħelu u tirxuxtani Mill-mewt li tiħi kmieni fl-apatija. Int ukoll m’ għadekx tkebbes il-ħuġġieġa Bix-xrara efimeru għaddieni U tħalli minn fejn tgħaddi u ħadd ma jobsor Ir-rima tal-inċens li dejjem jikxef Fejn qiegħed id-divin.                                Hawnhekk jien nibqa’ Biex nagħmel li kont nagħmel u nistagħdar Fl-għadira ta’ dak kollu illi tobsor U dak li hu bla ostru.                            Hawnhekk nibqa’ Qaddej fidil fir-radda tal-imgħoddi Nistenna li xi darba għad lili tmissni.   Alfred Grech 28/11/2023
Image
  L-Għada.   L-għada ma jiġri xejn Imqar is-siġar bdew inewwħu U s-sema kien għajjien U kollox għal li kien.     It-tnabar waqfu jtambru U issa waqa’ s-siket.   Dak tal-bieraħ kien biss daħna Jew buffura tal-grigal Illum bużżieqa sgunfjata.   Għada terġa’ tibda Dak kollu għal xhiex kien? Inċens u ċpar u rwejjaħ Tweġiba minn imkien   L-għada rġajna lura B’idejna fuq moqdief.   Alfred Grech 27/11/2023
Image
  Tajr Tal-karti.   Bħal tajra tal-karti Li ttir kontra r-riħ Miġbuda minn ħajta Ta’ tfajjel ferħan.   Hekk hi l-poeżija Trid timraħ u ddur Fi spazji miftuħa Bla xkiel b’kull kulur.   Ittir iżda tibqa’ Ankrata mal-art U l-petali tifrex Tal-ward illi ġbart.   Allfred Grech 26/11/2023