Posts

Showing posts from November, 2025
Image
  Stennejtek.   Stennejtek tiġi Bħal meta fl-avvent tistenna Lid-divini jerġa’ jitwieled.   Iżda bejnietna Baħar jaqsam, U l-oċean tal-infinit.   Stennejtek terġa’ tiġi Għalhekk infexxejt  Nimla kullimkien Bl-ilwien u bix-xintili.   Biex bħalkieku ngħatti Jew nimla l-baħħ Ta’ ġewwa fija.   Alfred Grech L-Ewwel Ħadd tal-Avvent 30/11/2025
Image
  Nixfet.   Nixfet dik-għajn li jien kont nixrob minnha, Inkella ma nafx kif ġiet inkwinata, Bil-ħafna ħsibijiet iduru u jagħqdu Ġo moħħi bħaż-żunżan u bagħal tan-naħal.   L-għajn illi darba waħda ssaqqi kienet l-oqsama li jħaddru f’art mingħajr konfini issa nixfet, u nixfu wkoll il-pjanti mal-ward ifuħ li fiha kien iwarrad.   Bħaċ-ċpar u nida f’għodwa bir-riħ isfel Itappnu l-lenti mnejn irrid nittawwal, U la tkun tista’ tara ċar u ħieles U lanqas ftit mistrieħ ma tista’ tisraq.   Nixef ukoll il-baħar b’tant riżorsi, U miegħu nixef l-għana tal-poeta.   Alfred Grech 26/11/2025
Image
  Insa’.   Insa’ li jiena tlaqt u qatt ma rġajt ġejt lura, Duħħan li għeb fil-baħħ ta’ ġrajja mqanqla, Inkella illi lanqas żmien ma kelli Biex nifhem sewwasew x’kien hemm fil-qalba Jew naħfru lil xulxin kull għelt u ħtija.   Hemm raġġ li jista’ għad jinfidli qalbi, Messaġġ ta’ mħabba illi qatt ma wrejtek Sakemm hawnhekk jien nibqa’ nippassiġġa Inġorr ta’kull tifkira nibqa’ t-toqol.   Matul iż-żmien li fih irriflettejna Fis-skiet ta’ qlubna s-sewwa konna nafu Bħal leħen li ġo qalbek tħoss jivvibra Dak kollu li jingħad seta’ bejnietna.   Fid-dlam tal-lejl u s-skiet kollox jiċċara Id-dlam tal-lejl jinvadi s-sensi tagħna.   Alfred Grech 22/11/2025  
Image
  Iva NIġi   Iva niġi u nerġa’ niġi Imqar jekk illum Mintomx ħlief il-ħrief li jien niftakar Fid-demm u l-laħam.   Iva niġi, u nerġa’ niġi Imqar jekk m’għandi xejn U xejn ma baqa’ X’nista naqsam magħkom.   Iva niġi mqar jekk naf Li jien m’għandnix li kont U intom m’intomx Il-ħbieb li darba kontu.   Alfred Grech 21/11/2025
Image
  Li Kieku.   Li kieku llum kont għadek fjamma tixgħel Li tlebleb qalb ir-riħ bla ma tintefa’, Li kieku għadni nista’ wkoll nittawwal Fi ħbub għajnejk biex nara lili nnifsi.   Li kieku baħri kont jien mhux tal-bnazzi, It-tul tal-oċean kont nista’ nkejjel, U nsalpa sa ma nasal sax-xtut tiegħek U nifhem sew kemm ħafna kont imqarraq.   Li kieku l-kewkba tiegħi kont tkun inti Ġo sema ċar fil-fond ta’ lejla twennes, Iżd’għadni xorta nisma’ leħnek jidwi Kull meta tgħidli kont, ma mmurx nittarraf.   U xorta ngħid li kieku ma kontx inti Ma kont se nasal, bl-għamad fuq għajnejja.   Alfred Grech. 08/11/2025.    
Image
  Il-Korruzzjoni.   Il-korruzzjoni ma tippruvahiex. Taraha għaddejja fuq ix-xefaq Inkella bħal mirage Riekba fuq dahar ta xi ljunfant Fix-xemx ta’ nofsinhar. Il-korruzzjoni tgiddbek Għax taħsbek tifel żgħir ħdejn il-brikkuni U tibda mbagħad tistaqsi Jekk intix f’sensik Jew liem’hu l-kejl li bih trid tkejjel. Jekk tmur biex tħaffer jew tiskava Tkun f’periklu li tintradam. Il-korruzzjoni tbellħek titkellem bis-sinjalli Jew tagħmik u tista wkoll titwerreċ Għax tibda ma tagħrafx Is-sewwa mill-ħażin U dak li huwa ċar Qatt mhu se jidher.   Alfred Grech 07/11/2025.
Image
  Jien Bħalkom   Jien bħalkom: bużżieqa arja fuq wiċċ l-ilma U nħossni minn ta’ ġewwa  mħallat magħkom Ma kull ċaqliqa nħossni tiela' u nieżel Aktarx  li hekk ifisser tgħix il-ħajja     Jien bħalkom, riħ li jonfoħ mingħajr mira, X’ħin tgħaddi l-mewġa tiegħu xejn ma jibqa’ Lanqas sinjal ma jħalli minn fejn jgħaddi Lanqas xi għelm imnaqqax ġewwa ż-żonqor.   Alfred Grech 06/11/2025
Image
  Lili Ħallejtni Hawn.   Ħallejtni hawn nixtarr id-dnubiet tiegħi U lilha ħtaftha u fuq is-sħab għollejtha Tinġarr fuq l-ispallejn kif jixirqilha U rasha dawwartiha b’dijadema. Ħallejtni hawn it-tifkiriet inġedded U nfakkar lili nnifsi  b’ħafna sogħoba Għal kull nuqqas intenni mantra antika Ta’ min jiddisjaċiħ bla ma jsib skużi. Għax ma flaħniex inżommu l-fjamma tixgħel, Naqsilna l-karburant, ġew il-buffuri, Inkella konna għajjiena nġorru t-toqol Ta’ dak li ta’ kuljum kien iċedina. U jen esploratur sirt f’daqqa waħda Innawfragat bejn Xilla u bejn Karibdi.   Alfred Grech 02/11/2025.          
Image
  Insa’ Li Darba Konna.   Insa ’ li darba aħna konna nterrqu Il-mog ħ dijiet ġo wileġ bla konfini.   Tislima tkun, fit-tarf ta’ jum li għadda Bħan-nida illi jaqa’ u jisparixxi Fil-ksieħ tal-art għajjiena tal-ħarifa Li ħaddret u li nebbtet f’kull rebbiegħa F’ajru seren u fost buffuri goffi.   Destin ma jaf lil ħadd, destin bla mira Destin assurd inessi lilu nnifsu.   Immorru biex ninsew il-minutieri T’arloġġ miġnun iduru bla ma jieqfu Ċirku vizzjus, bla tmiem u mingħajr bidu.   Immorru mingħajr sliem u mingħajr ħsejjes, Biex ma nqajmux lil dawk li qed joħolmu Fin-ngħas ta’ ħmar il-lejl filwaqt li jgħixu.   Alfred Grech 02-11-2025