Posts

Showing posts from September, 2025
Image
  Hi.   Tinbidel fi statwa tal-ġebel, U jieklok il-melħ xħin tħares lejha Jien Inġorru fil-bażakka Bla qatt ma nħares lejha. Issir l-arma qattiela Jekk jien ninqeda biha. Jekk tħares lejha minn ġo mera Taf issib il-ħajja eterna Taf issib li tista’ ttir Bil-qorq tal-ġwieneħ U ġġorr miegħekil-ħeffa Tar-riħ u s-sħab U tat-tfulija.   Alfred Grech 25/09/2025
Image
  Hi Biss.   Hi biss tista’ tingħaraf għax li kieku Kien hemm min jittawlilha kienet tibqa’ Bla biss ma ħadd ikun jaf fejn hi qiegħda.   Illum ma ħaġitx tgħarrex bħalma s-soltu Taħt xemx ta’ nosfinhar qalb ħafna storbju Fl-uċuħ tan-nies biex tgħaraf lilha nfisha.   Alfred Grech 24/09/2025.
Image
    Bla Ritmu.   U jista’ jkun ukoll li nista’ ngħix Bla ritmu u noħroġ barra mill-kuntest Kull xħin inlissen kelma mqansħa. Iżda t-tifsir ta’ dak li ngħid Mhux biss jidher fil-wiċċ Inkella fil-bixra li tingħata Mad-daqqa t’għajn.   Hekk ħassejtni llejla Irrid intir fuq gwienaħ l-alfabet Mingħajr tifsira Għaliex tifsira tagħti biss Ir-ruħ li tifhem Meta tmiss mal-art.   Alfred Grech 23/09/2024. 
Image
  The Joys of The Flesh.   The Joys of the flesh are captivating, I can see my other self Through the mirror of your eyes Your fire burns more brutally As we approach the threshold Of the sublime   I wanted to navigate Through the unholy waters of your desires But now I find that I am caught Between the straitsof Scylla and Carybdis. I tried to reproduce myself And rewrite my feelings Because I thought they were The messages of the Almighty.   Alfred Grech. 23/09/2025.
Image
  Kont Kemm Il-Darba .   Kont kemm il-darba nibni pont bejnietna Biex għad xi darba nnaqqas id-distanzi, Għax tabilħaqq, il-bogħod hu bogħod li jqarraq Jekk ngħixu ma xulxin u mank niftiehmu.   Jien xtaqt li ma ngħaddix mill-ilma mdardar, Mit-tajn tas-sotterran mudlam u minsi, Iżda malajr intbaħt li jien kont ħloqtu Kull meta flok ma nżilt jien bqajt naħarbek.   Issa fost it-tifrik li hemm madwari, Li lanqas biss ma naf minn fejn se nibda, Inħossni dgħajjef wisq: inħossni waħdi, Imdawaar biss mill-baħħ tan-nuqqas tiegħek.   Alfred Grech 22/09/2025 
Image
  Kien Dakinhar.   Kien dakinhar li niżel is-siparju Xħin ġejna wiċċ imb’wiċċ mal-mafkar tiegħek, Malajr imbagħad stenbaħna u sirna nafu Xi ssarraf int, xi tfisser kont għalina.   Kien dakinhar li ntbaħna u ħadna dehxa Bħal statwa tal-irħam petrifikata, Malajr imbagħad staqsejna x’kien sar minnha Il-lirika li darba konna ngħannu.   Kien dakinhar u wara xejn ma sewa’ Li bdejna nħossu tqila t-telfa tiegħek Minn wara l-kwinti ġrejna biex inħaddnu Id-diwi u t-tamiet ta’ kull stedina.   Alfred Grech 18/09/2025.
Image
  Infittxu x-Xemx.   Ifittxu x-xemx fuq għoljiet ħodor Iżda ħlief ħars jiena ma sibtx Jilqħuni fuq dil- gżira.   Fittixta qawsalla fi  ħbub għajnejk iżda l-ferrovija tal-imgħoddi Ġarritni magħha.   Issa bdejt nifed iċ-ċpar Infittex leħnek U nerġa’ niskopri l-ħmura ta’ filgħodu.   Alfred Grech 14/09/2025    
Image
  Staqsihom Lill-Maltin .   Staqsihom lill-Maltin kif iħossuhom, Bħal min xi ħadd ikun daħlilhom f’darhom Mingħajr ma jkun mistieden, bla twissija U f’daqqa waħda jsir barrani f’darhu.   Staqsihom lil Maltin kif fdaqqa waħda, Żgħira saret din l-art għan-nies ta’ fuqha Kien hemm min issa ħolom biex inżidu l-art li nirfsu biex nieħdu ftit mill-baħar.   Għidilhom lill-Maltin li lanqas baqa’ Fost dawk l-għorrief li jippuppaw sidhirhom M’għandu l-kuraġġli jolqot il-kuxxjenza U jgħid dak li kulħadd jixtieq li jisma’.   Alfred Grech 13/09/2025.
Image
  Għalxejn Qed Nittamaw.   Għalxejn qed nittamaw li għad xi darba Dal-barranin li ġibna ma saqajna Jitilqu bla ma jħallu ebda marka Ta’nisilhom u dak li ġabu magħhom.   Hawnhekk ġew dawn biex jibqgħu jgħix maghna. Inisslu, jkatru u jieħdu l-isem tagħna U żmien bi żmien għad jokrtu aktar minna Malajr se nssibu ruħna f’minoranza.   Ngħid dan mhux għax jiena xi razzista U la taħsbux li jiena xi purista Imma jekk joqgħod wieħed janalizza Jistaqsi x’se jsir minnu n-nisel Malti.   U l-mistoqsija aħna qed nagħmluha. Aħna li ta’ kuljum il=-pis inġorru Għax min suppost imexxi u jiggwidana Ma jimpurtaħx, jixxala’ mnn fuq daharna.   Għalxejn qed nittamaw li dawn jitilqu Hawnhekk ġew dawn biex jibqgħu jgħammru magħna Kollox imbidel xejn li kien ma baqa’ Kollox imur għall-agħar, u żdied il-kaos.   Għal min qed tikber din l-ekonomija Għall-ftit li ta’ kull darba jħaxxnu bwiethom Bil-kemm iż-żgħir ilaħħaq qed ...
Image
  Irridu u ma rridux.   Irridu u a rridux ikollna ngħidu Li t-triq illi fassalna issa qsaret, Il-passi illi qabel kienu mgħaġġla Issa tqalu tassew u jixbħu ħafna Lill-dawk ta’ min iġorr l-imgħoddi miegħu.   Irridu u ma rridux issa noqorbu Qiegħdin lejn dak ix-xifer illi qabel Ma ridna naħsbu dwaru qatt għax konna Ħsibna li tagħna din mhijiex ix-xorti; U ħsibna li tagħna qatt mhu sejra tasal.   Alfred Grech 09/09/2025
Image
  It-TmiejaTa’ Settembru   It-Tmieja ta’ Settembru reġa’ magħna. Parati, talb u pompa tal-ġurnata, Bħall-kieku din fuq l-għadu kienet rebħa, l-għadu li ma jidhirx, l-għadu mistoħbi.   Sfilata qaddisin, tofei u bnadar, Sabiex il-pass tal-ħajja wieħed jinsa, Fil-briju l-paniġierku u fil-murtali U fit-trunċieri l-gwerra tħażeż linja.   Evviva l-festa, stemmi u pavaljuni, Ir-rebħa tagħna taħt das-sema mqadded, B’risq it-trijonf fuq dahar l-ikkalpestati Fuq pedestal jitbissem is-sarkażmu.   Alfred Grech 09/09/2025    
Image
  Lil Anna .*   Tista’ tibda tistagħġeb bil-mewt Issa li ċ-ċens għalaqlek U mhemm ebda tama Li l-iħirsa jitħaxknu fix-xquq Jew li d-dellijiet ikarkru fit-toroq. Taħsibx li se tifdi jum ieħor Issa li l-bieb miftuħ U tista’ tara lilhinn mix-xifer, Int l-aqwa li tistenbaħ. Tibżax, jista’ jkun  mal-qabża fid-dlam Titwieled kewkba ġdida Is-sogħoba tagħna sejra tkun Li ma tistax tgħidilna Ma min iltqajt matul il-vjaġġ.   Alfred Grech 02/09/2025.   *Ruħ li għada kemm alliet dal-wied tad-dmugħ. Kondoljanzi lil familja kollha.  
Image
  Is-Sensazzjoni Tibqa’ Mingħajr Leħen .   Is-sensazzjoni tibqa’ mingħajr leħen Iżda fis-skiet tkun tista’ tagħmel għażla Jien naqta’ nifsi xħin tiżfinli tiġi, U titfa’ qtar ta’ seħer kontra d-dija.   Imriekeb li salpaw f’nofs maltempata, Din tagħna melodija taħt il-qamar U terġa’ lili tagħti ħajja ġdida Ġo ġuf l-eternita’ insibek kewkba.   Jien nara x’nista’ niġbor milli baqa’, Biċċiet li jaqgħu fl-art , xbiegħat il-frugħa U nara kif infittex dizzjunarju Bil-kliem li tista’ tinseġ għanja ġdida.   Alfred Grech 01/09/2025