Qatt Staqsejtni? Miniex nifhem x’qiegħda tgħdli Mingħajr brimba nsiġt għajnqbuta Kont sultana għal kemm il-darba Għalhekk issa sirt ilsir. Miniex nifhem xi trid tfisser Dan lingwaġġ li ħloqtu inti Qatt staqsejtni rridx nimxiha Qalb il-kwiekeb triq Sant’Anna Biex niskopri l-univers? Din hi triq li għaddejt minnha Kemm il-darba u qed nistona Xħin salpajt kien hemm il-bnazzi Issa laħaq il-maltemp. Inti kewkba ta’ filgħodu, Jien qed ngħix fi nżul ix-xemx. Alfrd Greech 28-08-2025
Posts
Showing posts from August, 2025
- Get link
- X
- Other Apps
Noħolmu. Noħolmu biż-ziffa li kienet Iġġorna magħha U bit-tajr tal-karti Li konna nogħlew magħhom. Lanqas il-qawsalli li konna npinġu fuq il-pitazzi Ma kienu jwassluna biex immissu l-kwiekeb. Issa li ma baqgħalix it-tbissima tiegħek Spiċċajt ngħodd il-waqtiet Li kont indomm f’kullana Biex xi darba nlibbisielek Jew nigbor mill-ġnien tat-tifkiriet Bukkett ward biex noffirhulek. Alfred Grech 21/08/2025.
- Get link
- X
- Other Apps
Meta N-Nies. Meta n-nies ma tibqax tagħti widen Tal-ħsejjes itarxu jekk mhux tal-għana, Ikun għaliex aktar mhu qed tixjieħ Iktar mintix tinftiehem Inkella tlift is-seħer. Għalhekk trid titla’ fuq il-bejt U xxandar minn hemm fuq Il-poeżija. U meta fis-skiet tal-għabex Il-ħajta dawl li tibqa’ Trid tissielet mal-iskur Li jrid jirkeb id-dinja Il-poeżija weħida ssemma’ leħinha. M’hemmx għalfejn tal-bnadar iperpru Mal arbli fuq il-bjut Biex tntebaħ li l-festa waslet. Imqar fl-infern ta’Awwissu Tfendi roqgħa spazju Fejn tieħu ftit tan-nifs Il-poeżija Alfrd Grech 14/08/2025
- Get link
- X
- Other Apps
Qaddis tal-Qaddisin. Kont nista’ mmur nitlob fit-maqdes tas-silenzji ta’ ru ħ i— fejn id-dellijiet jiddendlu flok tapezzerija qadima u d-dawl jgħaddi bil-mod mill- fissuri tal-memorja. Fittixt il-kwiet hemmhekk, għarkubtejjan fuq l-għatba tas-skiet kiesaħ tal-ġebla minġura, bit-tama għas-sliem tal-ħemda, balzmu li jidwi bħal nifs li ma jinħassx. Imma ġewwa dawk il-ħitan sagri ma sibt l-ebda ħjiel ta żernieq ieħor, ħlief is-sħana ta’ dak li nibża’ minnu— il-ġamar tas- solitudni inemnem, id-dija ta’ rimorsi li jiżżerżqu ma mitbaħ it-tama. Inżilt għarkubtejja, supplikant, fil-infern sieket li jġorr ismi— kull talba tinbidel fi rmiet qabel tasal fuq ilsieni, kull tama ħares imqnaqal fil-fwar li jqajjem l-infern li ħloqt fis-santwarju l-iktar sieket ta’ qalbi. Alfred Grech 13-08-2025
- Get link
- X
- Other Apps
Imqat Jekk Tiġi Inti. Imqar jekk tiġi inti biex tqattarli Xi ftit mix-xrar u qtar tal-illużjoni, Jien xorta ngħid li din mhijiex mistħoqqa, Ma kienx hemm bżonn ta’ dit-traġikummiedja. F’dal-vortiċi ta’ baħħ li jġorrna miegħu Hemm sens ta’ qtigħ il-qalb u mhux ta’ tama Li għad xi darba tqum, mill-ġdid tiroxta U kollox jerġa’ jkun aħjar minn qabel. Alfred Grech 05/08/2025.
- Get link
- X
- Other Apps
Stajt Jien Ukoll . Stajt jien ukoll immur nitlob Fil-maqdes tas-silezji ta’ ġo ruħi Iżda l-infer mhux barra qiegħed Iżda ġewwa Fejn id-dellijiet jiddendlu Bħal taperzerija antika U d-dawl isib it-triq Minn bejn ix-xquq Inkella mill-fessuri tal-memorja. Iżda l-vagun kien mingħarj twieqi U l-ferrovija baqgħet sejra. Jien niżel għarkubtejja Għall-ksieħ tat-talb imqanżaħ Bit-tama tas-sliem u tal-mistrieħ U l-balzmu ta’ leħen li qatt ma smajtu. Alfred Grech. 04/08/2025.
- Get link
- X
- Other Apps
Fil-Baħħ Fejn Darba Żifen Id-Dawl Tagħna Fil-baħħ fejn darba żifen id-dawl tagħna, Id-dellijiet jinġabru bħal ħolm ħieles, Id-diwi qed imut u s-skiet iwerżaq F’nofs ta’ deżert mkifrux taħt sema mtaqqal. Xkien ġara mill-vażun li mbagħad ixxaqqa. L-ilma ffriżat, il-ward li mejjel rasu? Xi jfissru t-tifkiriet li magħna nġorru, Tamiet quddiem għajnejna qed jinħallu? Tagħna kinet żerriegħa li tinżera’ Fil-ġenb ta’ xi mogħdija bla ma xxettel, It-tnejn li aħna ħsibna illi stajna Nagħmlu l-qabża mortali mingħajr xibka. Issa, taħt dan l-irmied, qasir il-għomor Jistaħba nifs li jqanqal bidu ieħor, Wegħeda li tkun imqartsa ġewwa l-għabex Biex nerġa’ għad niskopru lilna nfusna. Alfred Grech 02/08/2025.
- Get link
- X
- Other Apps
Tħallinix. Tħallinix mimla l-ġnien tal-ferħ minn tiegħek Bil-weraq tal-ħarifa illi nefaħ Il-majjistral u ferrex mal-burdati. Jiena nħobbok mhux għax inti l-mudella Ta’ kull tatwaġġ li għandi taħt il-ġilda, Inħobbok għax int muża ta’ kull għanja U kull tħarbix li joħroġ minn idejja. Kapulavur għall-min jiskopri l-ħajja. Inti l-induratura ta’ skiet ħieles Fi kwadru mmakulat li qatt ma ddendel. Inżul ix-xemx ipinġi l-passi tiegħek Xħin ruħi nkiss inkiss minn ġismi toħroġ. Il-ħmura ta’ ħaddejk issir il-ġenna U nkun konvint li qiegħed ngħix għal dejjem. Alfred Grech 01/08/2025