Posts

Showing posts from January, 2025
Image
  Żomm Dejjem Il-Fjamma Tixgħel.     Żomm dejjem il-fjamma tixgħel Imqar jekk hu tard wisq, Żomm dejjem it-tama ħajja Imqar jekk fl-aħħar nifs.   Fuq blat imqatta tiddi x-xemx Bħal qisha daħq qadim, Iż-żiffa ħelwa tmejjel kollox Imqar il-ward lli xraf biż-żmien.   Diġa’ narak qed taħt it-trab Għalkemm is-saqf żamm Bħal dejjem ġejt fuq żiemel riekba F’salib it-toroq Fejn lura ma terġax.   Diġa’ narak qed fid-duħħan Fiċ-ċpar lilhinn mix-xefaq Fid-dlam tal-lejl, fil-wegħeda t’għada Fid-dubbji tal-eternita’   Alfred Grech 30.01/2025
Image
  Kollox Għandu Togħma Ġdida .   Kollox għandu togħma ġdida Issa tħabbar dak li naf Kollox b’lewnu issa jidher U tħoss qalbek qed tixraf Bħal xħin taqleb ta’ taħt fuq. Il-ġejjieni kien jitbissem Lill-dak kollu li kien jiġri Ġiet l-aħbar u ġiet fil-ħin Issa għidli kif se nħarsu Niffissaw f’għajnejn xulxin Nikkonvinċu lilna nfusna Qisu qatt ma ġara xejn. ‘Tini jdejk u ħares lejja Din hi mixja tagħna t-tnejn Biex ħadd minna ma jitfixkel Tajtni saħħa ta’ Sansun Ngħidu biss: hekk kellu jkun.   Alfred Grech 22/01/2025
Image
    Imqades.   Ħafna mqades tal-ġebel u l-ħaġar Elf mitt  xbiha li ttlefu bil-kbir Jien ġejt hawn sabiex nitlob il-grazzja Biex infewwaħ bil-fwieħa t’Ofir.   Elf mitt statwa li tilħu sas-sema Jien ġejt hawn biex insib ftit tas-sliem Ħafna jiġu bla jafu għax jiġu Sirtu tixbħu lill-għabex tat- tmiem.   Alfred Grech 21/01/2025
Image
  F’Għeluq Snini.   Għaliex fejn qiegħed issa mhux imbierek Kull darba li tiġini t-tentazzjoni, Immur infittex triq li qatt ma mxejtha Immur infittex bejta ’l-bogħod minn dari?   Illum li għadda ż-żmien u dort id-dinja Ma tantx għad baqa’ rkejjen fejn nistaħba Ma tantx insib għad skuża biex nistejqer U nerġa’ mmidd riġlejja fi ġnien l-Għeden.   Alfred Grech 18/01/2025
Image
  Filgħodu.   Filgħodu xħin f’kamartek inti tbexxaq Il-persjani t’għajnejk u warajk tħalli Dinja oħra li qatt m’għext iżda stħajjiltha Tibdiex minn oenti oħra tara kollox U d-dellijiet tal-kamra jsiru ġganti? Tħallix il-ħolm tal-lejl li jisparixxi U d-dellijiet il-passi ċara jfixklu Għax xħin tal-jum l-ħwejjeġ qodma tilbes Issib li int jinħtieġlek maskra ġdida. Tiftaħ il-bieba u d-dinja mbagħad tibilgħek, Hawnhekk m’hawnx daqsijiet esaġerati U l-ħolm li ħlomt poġġieħ ġo borża ċkejkna Bl-ebda rimors u l-ebda mixi lura. Dan pont illi minn fuq rridu ngħaddu U mbagħad nistaqsu jekk din hix ħolm’oħra.   Alfred Grech 13/01/2025.
Image
  Issa Huwa l-Waqt.   Issa huwa l-waqt li tidħol ġo qoxortok Issa huwa l-waqt li tibda tgħix fis-sliem, Il-waqt li tieqaf bla madwarek tħares, Ma kull tektika joqrob qed it-tmiem.   Issa huwa l-waqt li tħaddan dak li waħxek Issib muftieħ li jiftaħ għad il-bieb, Dak li jiswa’ tassew, imbagħad tintebaħ Mill-bqija kollu biża’ frott il-ħsieb.   Issir ħabib il-mewt, minn hemm trid tgħaddi; U kull tifsir tal-ħajja qiegħed hemm, Ma jiswa’ xejn li ġġemma jew li tkattar U tibda tgħix fis-sliem il-bogħod mill-hemm.   Imbagħad issib li sebaħ bħal jum ieħor, U tieqaf hawn ma tmurx ma kull dagħbien, Dak li l-għajnejn jaraw, l-idejn imissu Mhuwiex ħlief illużjoni jew qatt ma kien.   Alfred Grech. 11/01/2025
Image
  Issa Li Nżajt   Issa li nżajt l-ilbies tal-pretensjoni U bħall-imperatur ħadd ma nebbaħni Irmejt kull maskra, kull dekorazzjoni B’nuċċali ġdid nittawwal qed mit-torri.   Għax mhux iż-żmien għaddej li l-għomor sielef, Lanqas kien l-għerf li ġbart matul il-mixja Iżda d-daqqiet tal-frosta u l-istalletti Għallmuni fejn qarraqt u mort iomqarraq.   Għax ma kontx naf ’l-fejn għad irrid nasal, Il-ħwejjeġ kellhom ilħna u lwien tagħhom, Mimlija kienet qalbi kollha tama U għax il-ġejjieni ħadd ma kien għad jafu.   Alfred Grech 10/01/2025
Image
  Il-Ħajja L-Oħra.   Jien ridt ukoll li ngħix il-ħajja l-oħra, Il-ħajja paralella għak dik t’issa, Il-ħajja li ma nafx jekk tgħoddx għalija Fejn bħal faċċjol qed nidħaq bija nnifsi Biex ngħaddi ż-żmien u nibqa’ ngħix fis-sakra.   Jien ridt ukoll li nħix il-ħajja l-oħra, Il-ħajja li qatt m’għext, ħajja ta’ gideb Biex bħall-oħrajn ma nossħx iż-żmien li jgħaddi Nistaqsi għall-darb’oħra hawnhekk x’ġejt nagħmel? U nkun konvint li din mhijiex ħlief logħoba.   Alfred Greh. 09/01/2025. 
Image
  Min Jiena?   Lejl ta’ tħassib iwelled għodwa mċajpra; In-nisa li ġrejt magħom jisparixxu Bħalma tfaċċaw. Hemm baħħ minn ġewwa jiekol: Xi jfisser thawdi l-ħajja? Iltqajt magħha, Hi staqsietni: Imm’inti taf min inti? U faqqgħet is-sajjetta għax bdejt nifhem’, Għaliex xi ħadd sar jaf min jiena sewwa. Bil-lejl jien ma stajtx norqod għax bqajt nilgħab Bil-mistoqsija. Kun l-anġlu kustodju U jiena niġi wrajk matul il-mixja Ta’ tfittxija. Jekk għad niltaqa’ miegħek Ninxteħet għarkubtejja biex nammetti Li jiena qatt ma ltqajt miegħi innifsi.   Alfred Grech 08/01/2025
Image
  Sena Ġdida.   F’din l-għodwa tal-ħelsien Xi ħaġa trid tinbidel U tinbet xewqa ġdida Fuq art ta’ ħafna lwien   Fuq xefaq qed jinħall Għad trid titwieled xemx Li nżulha ma narawħx.   Il-ħemda ta’ bil-lejl Tintrebaħ bit-twerżieqa Ta’ ġurdien li ħatfu barbaġann.   Fil-piroteknika hemm il-wens Li jiġi mill-affann ta’min jitlef Is-sens ta’ simetrija.   Fl-iskur tal-univers  jissaffew Il-wegħdiet kollha li nagħmlu lil xulxin.   Minkejja l-qtigħ il-qalb Il-passi tagħna għad jiltaqgħu Fi triq qadima b’ħolma ġdida.   Alfred Grech. 01/01/2025.