Posts

Showing posts from February, 2026
Image
  Urini Ftit   Urini ftit  għaliex din kienet l-għażla Għaliex il-ħajja tifdi bit-tbatija Għaliex il-qtigħ il-qalb, l-uġih u d-dwejjaq Bil-biża’ illi għada jiżdied aktar. Il-ħbit iżid, bla tmiem il-maltempata, Is-susa li qed tgerrem biex ittemmni U d-dieqa ssir bħan-nida ta’ filgħodu; Jekk trid li nemmen fik u l-qawwa tiegħek Urini ftit l-għaliex, x’inhi t-tifsira; Li tiswa’ għal xi ħaġa dit-tbatija. Jew xejn ma jiswa? Diwi mingħajr ħsejjes. Jekk hemm tassew il-ħaqq, jekk hemmx xi ħniena. Uruni ftit l-għaliex das-sagrifiċċju, Dal-kalċi tal-imrar u dal-kalvarju, Uruni issa, għax issa nħoss il-weġgħa Għax t’issa jgħodd u mhux il-wegħda t’għada Mimlija lwien ta’ ġenna mmaġinarja.   Alfred Grech 28-02-2026.
Image
  Nixtieq.   Nixtieq nistaqsi din saritx xi drawwa, Inkella dak li tħoss huwiex a b’oħra Inkella kull xintilla saret kewkba U jien ninbidel f’wieħed mit-tlett Maġi.   Nixtieq jien naf jekk  din hijiex imħabba Li tgħid li għandek int jew litanija Għax tħossok aktar komda biex ittenni Fil-friex li int ħejjejt għalik innifsek.   Nixtieq nistaqsi wkoll safejn  se twassal Dil-mixja ta’ mingħajr destinazzjoni Li twassal għal imkien, għax hawn sibt ruħi Filosfu qed ifittex soluzzjoni.   Se nkompli din il-mixja b’dan it-toqol U ngħid ukoll li stajt għaddejt mingħajrha Li nieqaf hawn inkella nerġa’ lura Itqal ikun minflok ma nkompli miexi.   Alfred Grech 26/02/2026
Image
  Fit-Tarf tat-Triq.   L-asfalt spiċċċa hawn, ħaxix ħażin u xefaq, Jilqek is-skiet bħalkieku ħabib minsi, It-traba joqgħod bil-mod, tiltewa l-mappa Fit-tarf li jibla’ l-aħħar xrar tal-għodwa.   Id-dispjaċir bħal riħ mix-xquq tat-tieqa U dak li fir-ruħ tnaqqax jistrieħ issa, Diwi ta’ daħk u krib stampat fil-mera Salib it-toroq hawn; mhemmx aktar għażla Hemm biss it-toqol ta’ kull pass li ħadna.   Din xitla illi tinbet qalb il-ħerba Qawmien mill-ġdid qalb tant deżolazzjoni; It-tarf ma jkunx battal isir bieb ieħor Fiċ-ċpar ta’ tarf il-jum bil-wegħda t’għada Fejn tmur tistrieħ lilhinn jew ma tafx aktar.   Twelid mill-ġdid, jew jinżel is-siparju.   Alfred Grech 23-02-2026
Image
  Efimeru.   Jitbennen fuq ix-xefaq Bejn nifs u ieħor Fil-ħajta taż-żernieq Il-waqt li ma tpinġieħx.   Jiżżerżaq bejn idejn qisu ponn ramel Xrara tad-deheb fl-irkiekel tal-imgħoddi. Jifrixlek dak lli ġej Qasir wisq għall-arloġġi. Itqal għal dak li qed jistenna; Lilhinn mid-dellijiet tal-għada Li jsiru aktar ċari Fid-dija ta’ dawl tax-xemx.   Il-bieb imbexxaq Mhux għal wegħediet li jwiegħed Iżda għall-dak li tista’ tilmaħ Fejn il-qalb diġa’ qed timraħ.   Ħallieħ ħa jitlaq, jien issa doqtu Għaddieni kemm trid iżda tiegħi Minqux fis-skiet ta’ dan il-waqt Li jibqa’ jidwi.   Alfred Grech 22-02-2026
Image
  I ċ-Ċinju.   Tiżżerżaq fuq iż-żlieġa ta’ wiċċi l-ilma Bi stil u tondjatiri mmakulati Mhijiex biss tajra, iżda  wkoll l-għamara Li ġġorr ġo ġufha dak li l-allat libsu Lilhinn minn fejn iwassal kull konfini. Zeus liebes ir-rix u l-isfel aktar jogħodos Biex spiċċa fuq xtut Leda mhux imħarsa Biex kebbes ħolqien ġdid mingħajr ix-xrara.   Ġwenħajha miftuħin bħal dawk tal-lira. Hu mar iħażżeż triqtha f’sema għeri Cygnus fiddien  għawwiem fi xmajjar qodma Jiddi fuq rasna biex b’hekk niftakru nibqgħu Li minn ġol qiegħ trid tibda kull titjira.   Tmattar għonqha bħal kienet mistoqsija Tfittex fil-wiċċ u tobrox ħġieġ il-mera, bejn dak li fil-fond jgħereq, li ’l-fuq jitla’.   Dan hu l-ħassieb li jilbes mantar abjad u jsir dak li trid int, u li trid tara. Il-grazzja ma tkun xejn, tkun biss il-gidba Biex b’hekk il- Kaos jgħaddi u jerġa’ jibla’ Waqt wieħed biss ta’ ħemda fuq wiċċ l-ilma Li jmiss hu stess bid-dell l...
Image
  207.   Jintiseġ id-destin fl-għanqbut il-kwiekeb Kull ħajta tal-ħarir mal-ewwel bikja, Naħarbu x-xemx, id-dell warajna jiġri, Mhux żgur jekk hemmx xi ħadd jistaqsi ’l-għala. Il-ħerqa tar-ribelli, tiftix il-għaref, Il-ħalfa tal-maħbub, tron is-setgħana Imilu lkoll f’rakkont magħruf minn qabel Minqux fid-demm, fil-blat inkella fl-għadam. Ma naħarbux il-ħalfa tal-kurrenti U lanqas it-tgħawwiġ minqux fix-xmajjar, Kulħadd iż-żifna tiegħu biex isarraf Dak l’hemm miktub għalih, id-destin tiegħu. Għalxejn ħitan mgħollija, ħżuż ta’ mapep Kollox idub maż-żiffa ta’ filgħodu.   Alfred Grech. 18/02/2026
Image
  Erġajt Twelidt Mill-Ġdid.   Erġajt twelidt mill-ġdid f’din l-era mħawwda, Sibt ruħi hawn   bla naf safejn se nasal La naf min jien u lanqas min hu sidi Tallab li jrid isib in-niċċa tiegħu.   Sibt ruħi hawn mingħajr ma naf min bagħtni Nistaqsi mistoqsija wara l-oħra, Nistagħġeb kull xħin nara ’l-ta’ madwari Mhedija jgħaddu ż-żmien sabiex iderru.   Erġajt twelidt mill-ġdid, ħsibt li sirt għaref ’Mma ntbaħt dak li tagħllimt kien kollu fieragħ, Kif kien ukoll il ħin illi qattajna Flimkien jien u int, anġli tal-ferħ u l-hena.   Alfred Grech 17/02/2026
Image
  206.   Hemm oqsma għalik fejn inti tista’ timraħ, Bir-ritmi ta’ kuljum bla taqta’ nifsek, Għadajjar fejn tistagħdar bla tixxarrab U timxi bla tistaħba fi Ġnien l-Għeden. Dirgħajn miftuħa jridu jħaddnu lilek Xuftejn mimlija bews, għajnejn mixtieqa, Iżd’inti tift it-triq ma tafx fejn sejjer, Inkella għaliex dil-mixja tkompli sejra. U ta’ kuljum xħin tqum, terġa’ tistembaħ, Mis-sakra li tkun fiha, mid-delirju, Tintebaħ li xi ħaġa tkun inbidlet Fid-damma ta’ kujum ta’ dit-traġedja. U tħoss li m’għadekx hawn, li qed titbiegħed, Biex tersaq lejn id-dlam ta’ bla tifsira.   Alfred Grech. Festa ta’ San Pawl Nawfragu 10/02/2026.  
Image
  M’hemmx Isbaħ.   M’hemmx isbaħ minn titjira b’dawk il- ġwienaħ Li rabbejt, jew li ħdimt bin-nifs li tajtni, Biex inħossni hekk ħafif sabiex nisfida Imqar ix-xemx li naf li ser taħraqni. U kbira tkun il-waqa’ minn dak l-għoli U naf li ħadd ma jiġi biex jiġborni. Ma jimpurtax! Inkun irbaħt il-biża’ U ħriġt minn ġo qoxorti għall-wiċċ i-beraħ.   Is-sħab inħobb għaliex is-sħab bla sura, Is-sħab li jiġri qisu żiemel sfratta U jieqaf ċass bħalkieku jrid jinkwadra Biex tilmaħ fiħ il-forom li trid tara.   Alfred Grech 08/02/2026
Image
  Kien Baqa’ Wisq x’Jingħad.   Kien baqa’ wisq x’jingħad qabel ma nitlaq, Tlissin minn taħt l-ilsien maqbud fl-ispazju, It-trufijiet ta’ dak li kelli nagħmel U l-għoqod maħlulin li qatt ma nqaflu.   Jien stajt ukoll stennejt fil-bieb ta’ barra Biex noqgħod nirrakkonta l-ġrajja tiegħi Sensiela ta’wegħediet li qatt ma nżammu Tapezzerija mċarrta f’lejl ta’ ħemda.   Il-grazzja f’dak il-waqt tifrex idejha, L-għoqdiet imbagħad jinħallu xħin isejjaħ Destin ugwali f’tarf ta’ mixja waħda U t-tifkiriet imbagħad id-dinja tagħkom.   Alfred Grech 03/02/2026