207.
Jintiseġ id-destin fl-għanqbut il-kwiekeb
Kull ħajta tal-ħarir mal-ewwel bikja,
Naħarbu x-xemx, id-dell warajna jiġri,
Mhux żgur jekk hemmx xi ħadd jistaqsi ’l-għala.
Il-ħerqa tar-ribelli, tiftix il-għaref,
Il-ħalfa tal-maħbub, tron is-setgħana
Imilu lkoll f’rakkont magħruf minn qabel
Minqux fid-demm, fil-blat inkella fl-għadam.
Ma naħarbux il-ħalfa tal-kurrenti
U lanqas it-tgħawwiġ minqux fix-xmajjar,
Kulħadd iż-żifna tiegħu biex isarraf
Dak l’hemm miktub għalih, id-destin tiegħu.
Għalxejn ħitan mgħollija, ħżuż ta’ mapep
Kollox idub maż-żiffa ta’ filgħodu.
Alfred Grech.
18/02/2026
Comments
Post a Comment