Posts

Showing posts from April, 2026
Image
  Ksssandra.   Trid tmur lilhinn mis-swar ta’ Trojja Biex tistaħba mill-allat Biex tisma’ l-kliem minn taħt l-ilsien Irjieħ tan-nar u qilla li għad tiġi Jibilgħu torrijiet bħal ilsna tal-maħbuba.   Jien ma niskirx biex ninsa’ jew biex naħrab Għax dejjem nerġa’ niġi minn fejn tlaqt.   Għajnejha jgħarfu dak li ħadd ma jara Leħinha ta’  ċawlun maħnuq Kulħadd jiddieħaq, jissiġilla l-qirda U hi triq twieżen pis li ma tiflaħx. It-twissijiet minn qalb iċ-ċpar s-saħta tal-profeta iżda f’irmied is-skiet iwerżaq jiltewa l-ġejjieni għal min irid jisma’ tard wisq, dejjem tard wisq bħall-lament ta’ kull poeta.   Alfred Grech 11/04/2026.
Image
  Xi Tfisser?   Xi tfisser din id-diskursata Jekk f’qiegħ il-baħar aħna ma ninżlux, Xi jfissru dawn il-wegħediet kollha Jekk x’hemm taħt dawn il-maskri ma nikxfux?   Xi tfissser din i-mixja twila Jekk it-tifsira tagħha ma nifhmux U lanqas saħħa ma jibqagħlna Biex niġġieldu l-mostri li ma nafux?   Xi jfisser meta tiġi tgħidli Illi mingħajri inti ma tgħaddix Jekk din ma tkux għajr skuża oħra Biex il-qiddiem inti tibqa’ ma timxix?   Xi jfisser dan kollu? U issa f’daqqa waħda ntbaħna Li sirna anakroniżma.   Alfred Grech 10/04/2026               xi
Image
  Vortiċi.   Vortiċi jdur madwari, Imqar li nista’naf x’qed jgħidu Dawk t’hemm barra, X’qed jistennew mingħandi Xħin nitperreċ fil-gallerija; Jekk hux xi kerubim bix-xabla tan-nar Iddur dawra mejt – hawnhekk ħadd ma jidħol Inkella djaknu stunat Jintona l-Eksultet.   Vortiċi jdur madwari Dari kont aktar kuraġġjus Illum ma baqgħali ebda ħajra Li noħroġ nisfida Lid-dellijiet ta’ mal-ħitan U l-iħirsa li jiġġerrew U s-simulakri li jgħammru Fil-baħħ ta’ dawn it-toroq, Inkella l-istatwi tal-karta pesta Jikkuntemplaw l-allat foloz li ħalquhom.   Jekk noħroġ ikun biss Sabiex infittex ilwien ġodda.   Alfred Grech Sibt Il-Għid. 04/04/2026.    
Image
  Xejn Mhu Jiġri.   Ikun hemm żmien li mqar ’kk insodd widnejja Li l-ħsejjes ta’ madwari qatt ma jaqtgħu Minħabba l-ossessjoni illi ngħodos Minflok li niggalleġġja fuq wiċċ l-ilma. U jkun hemm żmien nixtieq li lanqas nisma’ U nagħmel ta’ bir-ruħi xejn mhu jiġri, Li miniex hawn, li ż-żmien kien issa wieqaf ’Mma nibqa’ kkundannat li nibqa’ nisma’ Dak li ma ridx, mingħajr ma jirnexxili Li nagħmel ta’ bir-ruħi miniex nisma’.   Alfred Grech 31/03/2026.