Kull Meta. Kull meta t-tifkiriet U t-tikek tan-nostal ġija Jibdew jaħarqu l-vixxri U l-ponot tas-subgħajn Jitilfu s-sensazzjoni Inħoss li ħriġt minn ġismi U nsibni x’imkien ieħor. Kull meta nqum filgħodu U l-ħajra illi noħroġ Minn taħt il-friex Tonqos bil-qatigħ Inħosni bħal iltim F’pajjiż li ma nafux U f’dinja bla tifsira. Kull meta nħossni waħdi Bla saħħa u mingħajr ġieħ Inġorr fil-but il-ħażna Li tibqa’ mill-għanjiet Niftakar fir-rebbiegħa li waħdi jien miniex Niftakar l-għandi lilek O poeżija. Alfred Grech 26/03/2026
Posts
Showing posts from March, 2026
- Get link
- X
- Other Apps
210 Tiegħek ritratt qadim li jibqa mwaħħal Biex min ikun għaddej jiftakar jibqa’, Tqanqila u dehxa waħda ta’ minuta U nkun insejt kif ninseġ poeżija. Bħal daqqa t’għajn lil xbieha fuq il-mafkar Min waqaf għal ftit ħin kien dejjem mgħaġġel; Tinsiex li xħin qed ngħanni dina l-għanja Inkun immiss il-wiċċ tal-ilma qiegħed. Għadira fejn hemm jgħumui biss l-insetti Inkella wiċċ il-mera tirrifletti l-immensita ta’ dak li hemm ġo fija li huwa mmakulat u jibqa’ għal dejjem. Tkun xrara waħda biss li terġa’ tqabbad In-nar divin inkella kewkba feġġa. Alfred Grech 19/03/2026
- Get link
- X
- Other Apps
Għaliex In-Nar Intefa’ Għaliex in-nar intefa’ meta stajna Bil-ħeġġa nġorru t-toqol tul it-triq Buffura ma kienetx u lanqas berqa L’għamietna jew waqfitna f’nofs ta’ triq. Xi jmewwet lil dir-ruħ li tibqa’ tfittex Minkejja li għalqilha wkoll iż-żmien; U qatt ma ħabblet rasha x’jiġri l-għada U qatt ma sabet niċċa fejn tistrieħ? Għax issa lanqas ngħid li ż-żmien kien għadda Inkella li ma nafx jew m’għandix ħin, Irrid indarri lil nnifsi ngħix mingħajrkom U l-ħolm li dejjem ħlomt għal ħafna snin. Alfred Grech 17/03/2026
- Get link
- X
- Other Apps
Għaliex Intefa' N-Nar? Għaliex intefa’ n-nar? Spiċċalu l-ħatab u l-ġamar qed idub Taħt il-gradilja velu ta’ rmied iswed. L-irmied hu kollu ħolm Il-ħolm li għexna Il-marki tas-saqajn fuq xatt il-baħar Tlissin minn taħt l-ilsien Imnaqqax fuq il-blat mikul bir-raxx. Għexnihom il-waqtiet Fis-skiet tal-għabex Itektku qsim il-qalb b’ għasliġ ta’xwejjaħ Bit-tama illi xrara tieħu l-ħajja U tkebbes mill-ġdid fina l-ħerqa Li jaf għadamna. Għaliex in-nar intefa’? l-irmied ma jarmix sħana il-ġamar diwi biss f’widejn it-torox u d-duħħan miti jitgħawġu Li jiżolqu bejn is-swaba biex għad mill-ġdid noħolmu li tkebbes reġa’ n-nar. Alfred Grech 26/03/ 2026.
- Get link
- X
- Other Apps
209. * Kull meta leħni nsemma biex ngħannilek Id-dwejjaq bħal-liżar tal-għodwa jgħibu U s-solitudni titlaq bħalma titlaq In-nida f’wiċċ l-irdum u f’wiċċ il-weraq. Hi biss il-melodija illi ttaffi Id-diwi qalb il-baħħ ta’ din id-dinja, Inkiss, inkiss fin-niżġa tal-għanqbuta Ismek hu l-aħħar nota f’sinfonija. Id-dellijiet jixxabtu jew jitilqu Biex jiggranfaw b’nofs qalb ma kull quċċata Il-baħar tat-tqanqil li jibla’ kollox Jurini l-vojt li tħalli l-maltempata. Din tista’ tkun offerta nkella talba, ’Mma l-għanja tiegħi tibqa’ bla tweġiba. Alfred Gech 12/03/2026. *F’għeluq is-sena mill-mewt ta’ Ommi.
- Get link
- X
- Other Apps
Hu Biss. Hu biss x ħin nibda ngħanni Li ninsa’ d-diq bla kejl U ninsa ta’ din l-għodwa Qed ngħix il-ħmar il-lejl. Id-dwejjaq huma n-nida Li jgħatti wiċċ l-irdum Nisteieden melodija U tiġi bla ma ddum. Xħin ma nkunx nista’ naħdem Xħin moħħi imblukkat Ma rridx nitħarrek lanqas U nkun paraliżżat; l-uġiħ bħal melħ tar-ramla u ġismi fuq ix-xfar fejn l-ilħna tas-sireni itaffu nftit l-imrar., Hu biss xħin nibda ngħanni U nogħola ’l-fuq mis-sħab Tissaffa tibda l-mira U ninsa li kont trab; Li niswa’ għal xi ħaġa Ma jmejjel qatt iż-żmien Lir-ruħ li trid tisfida Minkejja dak li kien. Ma tifdi l-ebda mappa Kull mil li tkun imxejt U d-dispjaċir li ninsa Is-snin u l-ħin li ħlejt. Alfred Grech 11/03/2026
- Get link
- X
- Other Apps
208. Il-kliem li bih titkellem iħawwadni, Sirt tifel zgħir u nħossni ta’ bla ħila; Iġiegħlni ninsa’ fejn sal-lum kont sejjer U nħossni qed inbiddel il-bandiera. Inħossni li rrid nibda nilgħab logħoba Mingħajr ma naf x’inhi, mingħajr ma nilgħab Nistaqsi mistoqsija wara l-oħra Bex nara hawn kif ġejt u mnejn se noħroġ. Il-kliem li bih titkellem iħawwadni, Infittex tarka, nfittex kif nilqagħalu, Infittex skuża nkella noħloq ħrafa, Inkella s-skiet! ’Mma skiet mhuwiex tweġiba. U jista’ jkun ukoll li kien tort tiegħi, Għax nogħoġob lill-kulħadd, mhux lili nnifski. Alfrred Grech 10/03/2026.
- Get link
- X
- Other Apps
Int Tlumni? Int tlumni jekk tarani mix-xfer mort lil hemm u stajt inħares l-isfel u nara ftit x’kien hemm? Int tlumni jekk għal darba Sfidajt jien lix-xitan, U stajt inħares f’wiċċu U kollox kien duħħan? Imqar jekk stajt nittawwal Imqar jekk m’għadnix pur Imqar jekk stajt ninħaraq U nbdilt minn kull kulur. Naf x’hemm in-naħħa l’oħra U b’hekk jien xewqti qtajt U b’hekk stajt nara sewwa Il-ktiba fuq il-ħajt. Alfred Grech 05/03/2026.
- Get link
- X
- Other Apps
Tħossok bħali? Ix-xefaq jgħib Minn wara l- billboards Iwiegħed rotot oħra li jinħallu Fit-traffiku stallat Ta’ dak li jista’ jkun? Iżda xorta waħda l-arja Qed tħarrek fewġa ġdida Li ġġor l-għabra Ġejja minn x’imkien il-bogħod Għal x’imkien ieħor. Saqajk inkullati Ma l-istess naħħa tal-paviment U l-ġranet ta’ ħajtek jiċċajpru fuq skrin Jitimgħu l-istess tpetpit Bħal romblu li baqa’ dejjem Idur fuq l-istess post. Idejk jittwalu għal kikkra kafe Li issa kesħet Fil-but iċ-ċwievet Li ma jiftħu xejn ġdid U l- GPS jurik iċ-ċirku traċċjat Madwaar il-blokk ta’ bini Li qatt ma tkun ħallejt. Tħossok bħali li m’int sejjer imkien? Alfred Grech 02/03/2026
- Get link
- X
- Other Apps
I-Ċinju. 2 Tgħum fuq wiċċ l-ilma Mistoqsija bajda Imnaqqxa minn ġoċ-ċpar taħsibha lira Hi sliem qadim mingħajr apoloġija Ġwenħajha jżommu d-dawl ta’ talba ġdida. Cygnus jiftakar: Maħbub mitluf fin-nar tal-karru Trasfigurat f’ baħħar ta’ dejjem Jibki lil-mewġ li qatt ma jwieġeb lura, Inkella d-dell ta’ Leda b’Zeus moħbi Bjuda mibdula f’seduzzjoni – Fosdqa illi welldet uġigħ l-imperi. Iżd’issa s-siegħa tmil bit-toqol tagħha Bil-mod jinfetħu l-ġwienaħ l-għana jibda’ Mhux ħlewwa din ’mma biss l-inevitabbli Ixerred verita’ Li l-ebda lsien ma jlissen. L-imħabba qiegħda tnawwar Iż-żmien iġebbed U r-ruħ bandiera bajda fuq sfond iswed. Biss ġħanja waħdanija fuq wiċċ l-ilma Lanqas id-diwi Imwejjeġ fuq xulxin li jerġgħu lura Sabiex imbagħad jissawwar Bħad -dell li jibqa’ jħuf Il-mit li jrid jintiret. Alfred Grech 19-02-2026.