Posts

Showing posts from December, 2025
Image
  Bħal Kull Mara Oħra.   Fit-tgħannieqa siekta ta’ filgħodu Inċedi għat-tmellis ta’ mera Tirrifletti t-traċċi Ta’ mara li tistenbaħ mingħajr ħeġġa Suritha ntunata mal-polz sħajjen tal-fuklar Il-kisra ta’ xuftejha tħoll Is-satra tal-ħarir li  fih titkebbeb. Nixtieq nisimgħek tlissen Wegħdiet ta’ hena ġdid Bħal kull mara oħra Imfixkla mill-irbit Ta’ dak li hu mistenni.   Iżda taħt il-ġilda għawdxija Imbewwsa mill-irjieħ immelħa Tkexkix qadim Iqanqal ir-rewwixta Ta’ nifs l-imħabba.   Jien subgħajja kollha linka Inħarbex vrus li ma jinqrawx Iżda li jrewwħu n-nar Tat-tentazzjoni.   Alfred Grech 29/12/2025
Image
  Dik Kienet Xi Ħaġ’Oħra   Dik kienet xi ħaġ’oħra Mhux l-irbit li kont qed tfittex Biex tikkunsagraħ bit-timbru U jibqa’ jgħodd għall-dejjem Bil-barka tas-siġillu.   Dik kienet xi ħaġ’oħra Xintilla ta’ waqt wieħed Sinjal ma jitħassarx Fil-wisa’ taż-żmien.   Xħin tħares lura tkun tistħajjel Jekk dak il-waqt kellux ikun Jew kienx xi żball ma jiħassarx Inkella kienx dettal li ma tfissrux La bil-kliem u  lanqas bil-pittura   AlfredGrech 26/12/2015
Image
  Milied 2025.   Fil-lejl tal-Milied I r-ruħ tieħu sura U s-sabiħ tmissu b’idejk. Jien u int ’l-fuq intiru Bħar riħ li mgħandux mira Bħar-rix ħafif imwieżen Min-nifs ta’ elf tnegħida Nida li tisnaħ fuq il-weraq. Gasafar li jogħolew ’l-fuq U jeħilsu mill-irbit tal-kwotidjanita’ Mill-ktajjen ta’ fejn trabbew.   Alfred Grech 25/12/2025
Image
  Għaliex Domt Ma Stenbaħt.   Għaliex domt ma stenbaħt L-irqad aljenazzjoni Inissik il-ġiri li bih tkun għaddej l-isturdament minn dak li ma tridx taf għax tixtieq li bilġri tgħaddi din is-siegħa. Is-siegħa ddum daqskemm iġġebbidha U s-siegħa tgħaddi kull waqt li tgħix   Min jifhmek meta tgħix dan il-waqt?   Min jifhmek meta tgħix tassew?   Alfred Grech 24/12/2025
Image
  Min Jiflaħ Dan It-Toqol?   Min jiflaħ dan it-toqol Imqar jekk hawn il-ġenn Xi jneħħi dawn it-tbajja? U fejn se ssib ftit kenn?   Kif twaqqaf geġwiġija Jekk xejn mhemm ippjanat? Kif ser issib irkabtu F’dal ġiri ndemonjat?   Kif terfa’ dan it-toqol B’dal ġisem immankat B’dir-ruħ li tilfet u ilha Ix-xrar immakulat.   Alfred Grech. 23/12/2025.
Image
  Xi Jfisser il-Milied Għalik?   Xi jfisser il-Milied għalik Jekk jibqa’ għaddej il-mewġ taż-żmien iħabbat Max-xtut u ż-żonqor tal-blat tiegħek U tmewwet kull aptit bla ma tintebaħ?   Xi jfissu dal-waqtiet ta’ ferħ u hena Jekk l-għada terġa tqum u tkompli taqdef Ġo baħar jibla’ l-art u tibqa’ tgħarrex Biex tara jekk hemmx skoll, fejn hemm nasba.   Ma jfisser xejn. Iż-żmien mhuwiex ħlief ħabel U int għaddej bil-logħob t’ekwilibrista, Taħtaf kull waqt u ġġorru fit-tifkira, U tibqa’ għaddej mingħajr ma tħares lura.   Alfred Grech 23/12/2025.
Image
  Għax Għadkom Għaddejjin?   Għax għadkom għaddejjin? Ma rbattux il-brejkijiet Taraw qiegħdin b’għajnejkom Il-morsa dejjem tross.   Għax għadkom għaddejjin Tiżolqu fuq wiċċ l-ilma? Intbaħtu li għalxejn Ir-riendi mhux f’idejkom.   Għaliex ma tistembħux? Il-logħoba ġa mitllufa Nieżlin ilkoll tiżżersqu U mhemmx ma xhiex iżżommu..   Għaliex ma tistqarrux? Għaliex ma teqfux ħawn? Fil-blugħa ta’ dil-logħba Li mhix ħlief teatrin.   Alfred Grech 22.12.2025
Image
  Int Monghalik   Int mingħalik se żżomm il-fjamma tixgħel, Tħarisha mill-irjieħ u mill-buffuri, Filwaqt li ma tibqax sikwit titmagħha Jew tinsa’, li tistaqsi x’kien sar minnhom Dawk ir-rakkonti filgħaxija taħt l- kwiekeb . Jekk lili qed turini karti foloz Inkella tigħab logħoba bl-ass fil-komma. Ma tista’ qatt tgħabbini jew tankrani Bil-madmd ta’ destin evanexxenti. Kull meta ċ-ċellulari tisma’ jdoqqlok Tirrispondihx bħalkieku tisma’ qiegħda Leħen l-anġli .Tinsiex li l-bogħod mill-eqreb Kantuniera hemm sies li għad xi darba Irridu nsfidaw la ma niżolqu.   Nintelqu mal-kurrenti għax hekk jaqblilna, Għax hekk ukoll qed jagħmel min hu komdu, Minn xejn ma jimpurtaħ minn ta’ madwaru, Jew nerġgħu lura nduru ftit madwarna, Naraw jekk dan għandux xi ftit mis-sewwa?   Alfrd Grech 14/12/2025.
Image
  Int Waħdek Għad Tintebaħ.   Int waħdek għad tintebaħ bla ma ngħidlek Li t-triq li qbadt hi biss aljenazzjoni. Int tgħid li qed tifhimni iżda f’moħħok Hemm biss it-tentazzjoni li tiskopri. Jien naħseb f’kull ħmerija illi f’ħajti Wettaqt u din tkun oħra li tmur magħhom Għaliex għalkemm għalik xejn sens ma jagħmel, Kull kurrent illi fuqu qed ninġarru Ġej mill-allat, mhu ġej min imkien aktar. Int forsi tista’ qatt ma tifhem ’l-għala Resqin it-tnejn sabiex immissu s-sema Li qatt ma nistgħu nilħqu iżda illi Ġo fina tibqa’ dejjem l-illużżjoni Li b’qabż’ oħra fil-baħħ għad nidħlu l-ġenna.   Alfred Grech 11/12/2025
Image
  Ta’ Kuljum.   U ta’ kuljum inqum imqanqal Minn xi ħaġa li tkun għedtli U nħossni rrid intir U nogħola ‘’l-fuq Minn dal-ħmieġ u l-iskwalluit Tal-ħajja ta’ kuljum Minn dak kollu li jagħmilna lsira Minn dak li drajna Dak li tagħllimna nagħmlu U dak li sar dover Fit-taqbida biex inkunu bħal ħaddieħor.   Jien irrid inqum fil-għodu Inħoss ir-riħ tat-taqlibiet jinfidli sidri U nara s-sabiħ f’kull ħaġa li rrid nagħmel     Alfred Grech 11/12/2025
Image
  Sirt Għami.   Sirt għami, mutu u trux bħat-tlett xadini U lanqas ma rrid nemmen li qed nara, Jinqalbu ta’ taħt fuq il-ġerarkiji U dak li sal-lum ħadna bħala s-sewwa.   Jiċċaħdu l-ħbieb, jitkissru l-alleanzi, Il-pappagalli jtennu l-istess ħsejjes, Il-kukkudrilli jirgħu fl-istess ħama Lejn tarf l-irdum titmexxa l-meħla gwejjda.   Jiftaħru l-mimlijin bihom infushom Li s-sliem jistriħ biss qiegħed fuq spallejhom, Mill-banda l-oħra jsawwtu ’l-min hu dgħajjef U jaħtfu bla ma jroddu l-ġid tal-bqija..   Hemm leħen illi jidwi  qalb il-ħerba: Mhux fit-taqbid tal-bniedem il ġejjien.   Alfred Grech 09/12/2025
Image
  Titlaqx u Tmur.   Titlaqx u tmur u hawn tħallni waħdi Nissielt mal-ġiganti u mat-titani, Tħallix li għad d-dwejjaq ta’ waqt wieħed Kull ħin sabiħ inissi ta’ bejnietna.   Jien qed nofffrilek qtar li jsir djamanti, Ta’ xita fejn ix-xita qatt ma tinżel, Kristall ta’ dmugħ jiżżerżaq fuq il-weraq, Jew qtar tad-deheb, inkella raxx tad-dija.   Għax waħdi ma nafx ngħix u żgur nintilef, Ma nafx fejn ser immur, jew x’se jsir minni, Bil-ħsieb li wara t-tmien xejn mhu se jibqa, Imdawwar bid-deżert tal-inkoxxjenza.   Ta’nżul ix-xemx il-ħmura issa għebet Xħin is-siparju jinżel xejn ma jibqa’.   Alfred Grech. 07/12/2025  
Image
  Tiranni.   Jaqg ħ u l -kwiekeb U jsiru munġbell ġamar Jinstemgħu jerġgħu l-ħsejjes Tas-skiet li jidwi Mill-vixxri ta’ dinja li li baqgħet twelled Il-karba tal-allat U r-rabja tat-titani Li tilfu l-ġdlieda tagħhom.   Issa hawn intom biss Tippriedkaw lil-fidili U lil dawk Li jagħtu widen Għal=-ħrejjef illi ttennu.   Alfred Grech 06/12/2025
Image
  Illum Wasalt Fix-Xifer   Illum wasalt ix-xifer, Irrid li lura mmur Biex niġbor dak li ntilef Mat-triq kull fejn iddur.   Biex noqgħod nikkontempla Dak kollu li ħallejt Warajja jgħaddu u jaħrab Minn kull fejn jien għaddejt   Dak kollu li sawwarni F’kull tarġa’ jew f’kull stat Jew dak lli ma tajtx kashu Għax kont wisq aljenat.   Biex nerġa’ nikkuntempla Dettalji jew waqtiet U nerġa’ nibda’ ngħixhom Nixtarrhom hawn fis-skiet.   L-arloġġ idur bil-kontra U nerġa’ minn fejn bdejt, U nerġa’ f’dawk il-passi, U nifhem minn fejn ġejt.   U nerġa’ nżur kull waħda, U niġbor il-biċċiet, Rubini illi nsejthom Fil-ħajja li għaddiet.   Indommomhom waħda waħda, Kullana tifkiriet Imdawwra madwar għonqi, Iħirsa ta’ waqtiet.   Alfred Grech 04/12/2025
Image
  Kull Meta.   Kull meta nibda naħseb illi qiegħed Lejn xifer id-dagħbien ftit ftit qed noqrob, Inħossni qiegħed niżloq maż-żurżieqa Li twassal għat-telfien u mhemmx xi jżommni, Nixtieq li nerġa’ lura fuq il-passi Li kont imxejt, l-arloġġ idur bil-kontra, Biex niġbor dak li tlift matul il-mixja, Rubini mferrxa, ħlewwiet li stajt intigħem; Nixtieq li l-ħajja terġa’ għall-li kienet Bħal xeneġġjat li jġedded kull tifkira, U ma naħsibx li għad xi darba jasal It-tmiem; bħal min jridx iħabbel rasu.   Alfred Grech. 03/12/2025
Image
  Reunion.   In-nisa li ġarrewna Ma biddluniex Jew biddluna għal ftit tas-snin Iżda li konna bqajna In-nisa li ġarrejna magħhna M’għadomx li kienu Jew lanqas għadhom magħna U sibna li mingħajrhom Ġejna għal li konna   Alfred Grech 01/12/2025