Bħal Kull Mara Oħra.
Fit-tgħannieqa siekta ta’
filgħodu
Inċedi għat-tmellis ta’ mera
Tirrifletti t-traċċi
Ta’ mara li tistenbaħ
mingħajr ħeġġa
Suritha ntunata mal-polz
sħajjen tal-fuklar
Il-kisra ta’ xuftejha tħoll
Is-satra tal-ħarir li fih titkebbeb.
Nixtieq nisimgħek tlissen
Wegħdiet ta’ hena ġdid
Bħal kull mara oħra
Imfixkla mill-irbit
Ta’ dak li hu mistenni.
Iżda taħt il-ġilda għawdxija
Imbewwsa mill-irjieħ immelħa
Tkexkix qadim
Iqanqal ir-rewwixta
Ta’ nifs l-imħabba.
Jien subgħajja kollha linka
Inħarbex vrus li ma jinqrawx
Iżda li jrewwħu n-nar
Tat-tentazzjoni.
Alfred Grech
29/12/2025
Comments
Post a Comment