Posts

Showing posts from February, 2024
Image
  Kundanna Fl-Art Ta’ Gaża.   Min qal li hemm it-tama? Min qal li hemm il-ħniena? Kif tibni dak li ġġarraf Bil-barka tal-ħajjiena.   Min sejjer jibqa’ fl-għama U jaħseb fil-ġejjieni, Jekk tgħix minn jum għall-ieħor U l-jum jurik minn kmieni.   Fil-krib tal-assedjati Fuq art li titlob lura Fil-ħolm li qatt ma jasal F’ta’ nżul ix-xemx il-ħmura.   Din art li dejjem taqla’ Mitt wegħeda u mitt indiema, Fil-ħolm li qatt ma jasal Bid-dnewwa jew bil-ħniena.   Bi mħabba din l-isfida Kif tista’ tirrispondi, Minkejja l-qalb u l-ħrara Dil-ġrajja b’għeruq fondi.   Kundanna fl-art ta’ Gaża Fl-istrixxa ta’ mitt ġrajja, Bid-dmugħ bl-irmiet tal-bieraħ Fil-ġrieħi u l-hemm tal-ġajja.   Alfred Grech 20/02/2024
Image
  Hemm   Toqba .     Hemm toqba rrid nimliha Hemm baħħ għal ftit taż-żmien, Fejn lanqas tibqa’ taħseb Fejn kollox għal li kien.   Kull xħin inqum filgħodu U nieqaf ma naħsibx Insib li dal-waqt wieħed Jien bħalu żgur ma nsibx.   Għax mhemmx iż-żmien li jgħaddi, Immiss l-eternita’, Waqt wieħed fejn inħossni Mingħajr identita’   Tal-jien li dejjem joħloq Karattri f’teatrin, Tal-moħħ lil ma jafx jieqaf U jċedi għal ftit ħin.   Alfred Grech 29/02/2024.
Image
  Ħassejtni Sew.   Ħassejtni sew fuq din il-ferrovija Matul il-vjaġġ misjuq flimkien mal-bqija, Għax mal-kurrent ninġarr u fejn isuqni. Tas-seħ u tal-fejqan jeħtieġ li nsibha It-triq, u tkun il-waħda illi nagħżel. Illum li ser tispiċa dil-kruċiera Mal-ħafna oħrajn ħenjin għax qatt ma tbiegħdu Nintasab waħdi hawn fuq din il-pruwa F’eżami tal-kuxjenza jew nistaqsi Lir-riħ li qed ivenven u jilqagħni, Kienetx din it-tkaxkira hekk mistħoqqa, Il-ħsejjes illi tagħmel kull tfaqqieħa, Jew jekk kienetx mixja oħra solitarja Għalxejn fis-sotterran ta’ mħuħ battala.   Alfred Grech 27/02/2024
Image
  O Gaża, Palestina. Sunett.   Fuq liema artal se noffru s-sagrifiċċju, X’inhuwa l-prezz li għad irid jitħallas? Biex tqum min-ngħas tiftakar f’dan il-poplu Id-dinja li storduta tqassam l-armi.   Fuq nett fl-aħbarijiet għax qed titfarrak, Ifakkru l-olokawst bid-demm t’ wliedek, O Gaża, Palestina ċ-ċorma sejra Issir taf bik xħin ma tibqax teżisti.   Fejn huma l-paladini illi jibku Il-ħerba, it-tifkrik, il-ġenoċidju, Kull kelma ssib li tilfet it-tifsira Il-bombi mbagħad jesplodu f’widnejn torox.   Ma jibqa’ xejn, la kliem lanqas tnehida, Is-skiet tiegħek imbagħad isir tifkira.   Alfred Grech 26/02/2024
Image
  Issa.   Issa li ħriġna ’l-bebbuxu mill-qoxra Id-dudu minn ġol-fosdqa, Xħin waqgħu il-maskri U l-mostru ma sabx fejn jistaħba, Ma kien baqa’ xejn Ħlief regħba u kilba U għatx għal poter. Dan huwa l-legat Ta’ġens li jistaħba Wara l-għelt ta’ ħaddieħor. Il-ħalfa tat-tpattija Ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna Ta’ imperi jibilgħu r-ruħ u l-qalb ta’ġnus u popli li xortihom hi   fid-duħħan tal-irmied u tat-tifrik.   Issa x’baqa? Issa baqa’ l-bniedem għeri l-annimal qerried f’xeneġġjat li ġa rajnieħ il-vavu li qatt ma kiber id-dixxiplu li qatt ma tgħallem.   Alfred Grech 25/02/2024.
Image
  Gaża   Is-sema qadim fl-istrixxa ta’ Gaża Fejn siġar taż-żebbuġ fis-skiet qed jibku U fejn ta’ qsim il-qalb isseħħ il-ġrajja T’erwieħ bla ħtija, ħrief tas-sgrifiċċu L’ilkoll sfaw bejn il-morsa tal-qattiela. Hemm, fit-toroq dojoq iffullati Fejn ferħ l-ulied kien jisboq l-arja mniġġsa Id-diwi mdellel f’qalb kull min jiddispra, Il-grotta tal-profeti saret midfen. Dawk l-ommijiet li jibku lil uliedhom Li jafu li qatt aktar mhu se jħaddnu Jistħu l-xortihom, jistħu ’l-min wellidhom U d-dagħwa tagħhom qatt ma tista’ tasal Qatt ma saret il-ġrajja tal-fejjieda. Missirijiet li jikkuntemplaw il-ħerba Fil-qtigħ il-qalb imnebbaħ mill-ġejjieni Fejn għajn żagħżugħa darba setgħet tilma’ Fid-dellijiet ta’ ġlieda issa mbexqa, Fid-djar li fihom raqdu l-ħolm jiġġarraf. Wegħdiet li ma seħħewx bħat-tama jogħsfru Jindifnu taħt il-ħerba ma kull daqqa, ’Ma r-ruħ qalbiena qatt mhu ser iċċedi, Kull qatra dmugħ li ssaqqi l-art imbaskta Żerriegħa tal-ħelsien issir, tisfida. Għax tal-ħajjiet, maħsuda qab...
Image
  Profeta.   Ma mewġ il-baħar tiżfen u  tintilef Id-dlam tal-lejl tistenna biex tinħeba Fl-imbieħ ta’ kelb li jfittex qed lil-sidu U ssodd widnejk għall-għanja tas-sireni.   Tkun rebħa għal ftit żmien għaliex xi darba Trid tħares fiss f’għajnejn il-mostru mperreċ U tidħaq f’wiċċ min lilek ried ikasbar Għannej dejjiem tal-għana illi jsaħħar.   Fil-fond tal-infinit tifrixha ħarstek Metafora ta’saħħa fid-djufija Balward għal min irid jittama f’għada U twieżen lil kull min  qed jaqta’ qalbu.   Mis-skiet ta’ baħar ħieles terġa’ lura Bħal sħaba biex f’għajnejk għad terġa’ tixgħel Dak kollu li tixtieq jew dak li jonqsok Fis-skiet hemm dak li qatt ma kont tistenna.   Hemm leħen illi qatt ma ħsibt li kellek.   Alfred Grech. 23/02/2024
Image
  188.   Fil-beraħ t’univers li jien nistħajjel Bħal xmara li ssib triqtha lejn il-baħar Lilhinn mix-xtut tal-art li tibqa’ għatxana Stajt nimraħ fir-triqat li bqajt niftakar U hemm fis-skiet ta’ wied li jserrep Stajt nerġa’ nilmaħ x’kien li ġiegħlni nikber Stajt nilmaħ tarf it-tmiem li qatt ma jasal Stajt nirbaħ il-ġlidiet li moħħi ħoloq Stajt nilmaħ ftit tad-dawl fit-tarf tat-trejqa U nħares fiss f’għajnejk min għajr ma nistħi. Il-ħajja tkompli għaddejja jiġri x’xjiġri Iżd’issa l-ġnien tal-Għeden fejn iħaddru Il-weraq tal-imħabba li tistenna Esproprijat u floku ndena torri.   Alfred Grech 21/02/2024.
Image
    Imqar Jekk il-Ġwenħajn Tqasqasli .   Imqar jekk tkeċċi il-ħsieb u tkeċċi l-leħma, Jien xorta nibqa’ ngħanni l-għanja tiegħi, Dik l-għanja illi togħla fuq il-ġwienaħ Tal-poeżija.   Imqar jekk il-ġwenħajn tqasqasli   tiġi Biex ma nkunx nista’ nilħaq l-ogħla sema, Issib li d-dmugħ f’għajnejja sar il-leħen Tan-nostalġija.   Jekk tistaqsini għaliex tlaqt u bqajt sejjer Issib li f’ruħi lanqas baqa’ jidwi Kulħadd kien trux u ħadd ma sema’ leħen Ruħ imbikkija.   Jekk tistaqsini mnejn hi ġejja d-dieqa U tħares fiss f’għajnejja bla   mistħija Issib li l-lejl mudlam li għandi f’sidri Sar melodija.   Jekk għad tarani nibki u ngħid: Din Blugħa! Inħaddan ix-xewqat ta’ jum imqareb. Il-leħen ġewwa fija issa siket Mingħajr twissija.   Alfred Grech. 20/02/2024.
Image
  Int Poeta.   Fuq sema mimli kwiekeb tista’ tiddi U ssir il-kewkba ġdida illi tqawwi Il qlub ta’ dawk li qed ifittxu s-sewwa Fost baħar ta’ tpetpit int tkun pjaneta Li tħabbar sbieħ il-jum u l-lejl li qorob. Ma jimpurtax jekk leħnek lanqas jasal, Jintilef fost l-għajjat u l-ġenn tal-folla, Twerżieq stunat għal min din hija għana Għax ftit dawk huma l-ilħna li jingħarfu U ftit dawk il-widnejn li għad jisimgħu Dak l-għana solitarju li jingħaraf Minn ħafna ’l-bogħod minn min ikun qed jgħarrex.   Alfred Grech 19/02/2024.
Image
  Navalny   Inpinġu għad fis-sema kewkba ġdida Li qatt ma tpetpet, qatt ma tmur tistaħba Rubina tkun imperċa fuq it-torri Ta’ Kremlin ieħor għelm ta’ leħen ħieles.   Impinġu fuq it-tila xena ġdida Ta’misraħ mħux ilsir ta’ dittatura Ta’poplu sħiħ li jifhem lilu nnifsu Ta’ wesgħat kbar mingħajr tal-gwerra s-saħta.   Impinġu fuq il-ħajt id-dell li ħalla Il-bieraħ u dak kollu li ġab miegħu, Impinġu fuq il-ġilda bla kuluri Tatwaġġ li lilna jifred minn ħaddieħor.   Alfred Grech 18/02/2024.
Image
  187. X’ikun il-waqt li minnu ridna ng ħ addu, Trapass mingħajr taħbit u daqq ta’ trombi? Kull mewġa li fil-wiċċ sabitna ngħumu Żammitna aljenati għal kull ħabta Ma skoll jew blat li qatt ma stajna nirkbu, Inkella li wasslitna fuq ix-xtajta Fejn stajna niġbru lura lilna nfisna Mill-fdalijiet u bċejjeċ tan-nawfraġju. Fit-tul saquna l-ħalel u l-irwiefen, Il-qawwa tad-destin u x-xorti kiefra, U fhimna skond kull wieħed l-għażla tiegħu Inħożżu wkoll kull waqt li għadda minna Fiċ=ċpar u fl-umdita’ ta’ għodwa ġdida Biex jiftakruna dawk li jiġu wrajna.   Alfred Grech 15/02/2024  
Image
  Min Fejn Ġejja?   Xejn ma tagħllimna. Lanqas se nitgħalmu. Għax dari   konna naħsbu illi l-biża Tal-ħerba u tat-terrur iżommu s-saqaf Milli jaqa’. Iżda xejn minn dan kollu. Blugħat il-bniedem hi bla tarf. Fuq kollox Kif ser tiddritta z-zokk li tela’ mgħawweġ? Aħna nistgħu nistaqsu biss min seta’ Żergħa fil-ġuf tal-mara iħ-ħerriegħa Li twelled mostri kbar li ħadd ma jrażżan, Inkella minn fejn ġejja   li tistenna Li wara kollox hemm infern u ġenna?   Alfred Grech 13/02/2024.
Image
  Ix-Xewqa Li Xxejjen   U fl-aħħar għad trid toħroġ l-għanja Hekk kif nerġa’ lura lejn Itaka Mingħajr ma nġorr miegħi Il-qilla tal-allat Jew il-barka ta’ xi dea seduċenti Li tisboq l-għana tas-sirenti U s-sogħoba ta’ nisa jnewħu Il-ħerba li ħallew uliedhom.   Nerġa’ lura lejn dil-gżira Biex nisħet il-wiċċ tost Tal-prinċpijiet u l-pretendenti Li ħarbtu u żebilħu dil- ġawhra l-omm li tagħna isimha f’waqtiet t’eżaltazzjoni ninfidhom bil-vleġeġ u ngħamihom qabel ma nerġa’ naqa’ fil-midfen tal-ward li qatt ma warrad fil-ġonna fejn l-għasafar qatt ma jtiru b’ġenflessjoni lix-xemx tiela, f’adolatrija lejn il-qawwiet moħbija li jiġbdu l-ispag ta’ dawk li qed imexxu.   Alfred Grech. 1/02/2024
Image
  Lil Fanal ta’ Ġurdan.   Int ħarsetek tifrixha u ddur dawra mejt, Mal-baħar li jiżfen u jżeffen il-qlugħ U jbewwes ma sidrek il-fidda tar-raxx Taħt qamar jittawwal u jibqa’ miblugħ.   Int tieqaf ’l-irwiefen, tisfida l-maltemp Għassies ta’ kull tama u xaqq ta’ ħelsien, Madwarek il-ħmura xħin tinżel ix-xemx U ħarstek tifrixha u ddur kullimkien.   Trid tgħanni u timla’ bil-ħsejjes tal-mewġ U twiegħed il-vista fid-dlam u fiċ-ċpar, Sonata tittajjar fuq baħar bla truf Int fjamma li tixgħel bil-lejl u binhar.   Titkellem mal-kwiekeb tal-vjaġġ juru t-triq Tas-saħħa metafora fost qtigħ il-qalb Titkellem fuq ħrejjef li jqawwu l-baħrin Fil-ħemda ta’ lejla megħdija fit-talb.   Jien bħalek sibt ruħi fil-ħemda u fis-skiet Infittex fix-xefaq sunjal ta’ kuraġġ U bħalek u miegħek il-kwiekeb bdejt ngħodd Li magħhom iltqajna matul dan il-vjaġġ.   Alfred Grech 10/02/2024
Image
  F’Din L-Oasi.   F’dan l-oasi li ridt noħloq Ma nafx għandix ngħanni Dak l-għana li jsaħħar lis-sriep U jqiegħel fuq ilsieni Il-benna tal-għasel is-sagħtar Inkella għandix intambar fuq it-tnabar Ħerqana li jħeġġu għat taqbida.   F’din l-oasi li ridt noħloq Ma nafx għandix intertaq u nfesdaq l-aħħar biċċiet ta’ dak li jiġi waħdu fil-baħar taż-żmien li fih mingħajr ma rrid ikolli negħreq.   Alfred Grech 08/02/2023.  
Image
  Sakranazzi.   Sakranazzi ta’ kull fil-għodu Bit-turmnti ta’ dnubiet li jigdmu l-qalb Din his biss vendetta Tal-anġlu li jistenbaħ Ma sbieħ il-jum.   Issa li qiegħdin hawn inbatu U noħolmu Ma jibqa’ xejn għajr it-tiġrib Jisfida l-ġenna ta’ allat Ċari u mingħajr tebgħa.   Ejja nixgħelu xema U ninċensaw id-dellijiet Li tħalli warajha Xemx li ma tikfisx.   Alfred Grech 06/02/2024
Image
  Sakranazzi.   Sakranazzi ta’ kull fil-għodu Bit-turmnti ta’ dnubiet li jigdmu l-qalb Din his biss vendetta Tal-anġlu li jistenbaħ Ma sbieħ il-jum.   Issa li qiegħdin hawn inbatu U noħolmu Ma jibqa’ xejn għajr it-tiġrib Jisfida l-ġenna ta’ allat Ċari u mingħajr tebgħa.   Ejja nixgħelu xema U ninċensaw id-dellijiet Li tħalli warajha Xemx li ma tikfisx.   Alfred Grech 06/02/2024
Image
  Versi.   Jekk ma jiġux weħidhom, Aħjar ma jiġu xejn, Il-petali f’wiċċ l-ilma Tferrixhom dawn għalfejn?   Fuq sidri r-raxx tal-baħar Tax-xemx fuq wiċċi r-raġġ Min sejjer issa jwaqqaf Ta’ ħsiebi dar-rambaġġ?   Jekk ma tiġix weħidha Aħjar ma tiġi xejn, Tkun warda artifiċjali U ma tkun tifsser xejn.   Alfred Grech 05/02/2024