Ix-Xewqa Li Xxejjen

 

U fl-aħħar għad trid toħroġ l-għanja

Hekk kif nerġa’ lura lejn Itaka

Mingħajr ma nġorr miegħi

Il-qilla tal-allat

Jew il-barka ta’ xi dea seduċenti

Li tisboq l-għana tas-sirenti

U s-sogħoba ta’ nisa jnewħu

Il-ħerba li ħallew uliedhom.

 

Nerġa’ lura lejn dil-gżira

Biex nisħet il-wiċċ tost

Tal-prinċpijiet u l-pretendenti

Li ħarbtu u żebilħu dil- ġawhra

l-omm li tagħna isimha

f’waqtiet t’eżaltazzjoni

ninfidhom bil-vleġeġ u ngħamihom

qabel ma nerġa’ naqa’

fil-midfen tal-ward li qatt ma warrad

fil-ġonna fejn l-għasafar qatt ma jtiru

b’ġenflessjoni lix-xemx tiela,

f’adolatrija lejn il-qawwiet moħbija

li jiġbdu l-ispag ta’ dawk li qed imexxu.

 

Alfred Grech.

1/02/2024

Comments

Popular posts from this blog