Kull Meta Jmut Poeta. Tislima lil Profs. Charles Briffa+ Fis-swali fejn id-dellijiet jimirħu l-Imgħallem reħa’ l-pinna minn idejħ u l-linka niexfa qiegħda issa ssefsef F’widnejn kull min xi darba resaaq lejħ. Tal-ħolm, tapezzerija ħsibijietu Minsuġa f’waqt ta’ dwejjaq, f’waqt ta’ferħ, Kull kelma pinzella fuq it-tila, Ta’ qalbu tħabbat b’ritmu ssib is-serħ. Bil-kitba tiegħi naqqax toroq ġodda Fil-mażġar u fil-wileġ mifruxin, Fejn hemm l-eroj u d-dellijiet jiżżeffnu Fiż-żifna mqaddsa tal-ispazju u ħin. Ir-rix tat-tajr mill-ġwienaħ issa siket, Id-diwi tal-ħoss tiegħu daqs ta’ ragħaj, F’kull vers ix-xrar ta’ moħħu u ta’ ħidmietu Legat ta’mħabba u għaqal, dejjem ħaj. Għalkemm m’għadniex interqu issa miegħu, In-nar li kebbes f’ħajtu ma jmut qatt, U ruħ’ għad’ hemm f’kull paġna illi tqalleb Sabiex minn-naħħa l-oħra jżomm kuntatt. Ningħaqad jien ukoll mal-ilħna l-oħra Inweġġħu ’l-min b’kuraġġ ħolom bis-sħiħ, Għaliex fi kliemu stess, qatt ma...
Posts
Showing posts from September, 2024
- Get link
- X
- Other Apps
Fl-infern ta’ Din Id-Dinja. Fl-infern ta’ did-diskordja Met’aħna ma naqblux Fejn dak li xtaqt il-bieraħ Għalxejn għax ma ġġibux. Fl-infern ta’ din id-dinja Fejn nafu li m’aħniex Tistqasi x’ġara ’l-bieraħ l-imgħoddi għad m’għaddiex. Infern fl-inkomprensjoni Sisien għoljin ta’ swar Ma baqa’ xejn xi jnebbaħ Trid toqgħod kwiet id-dar. Alfred Grech 27/09/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Ħalliha Ħa Toħroġ Weħidha. Ħalliha ħa toħroġ weħidha Il-karba ta’ min hu maħnuq, Il-qilla ta’ min qed jintrifes, Il-għanja ta’ min hu misruq. Ħalliha ħa torħroġ u tidwi Tal-merħla bla rgħaj jew mexxej, l-imbe’ ta’ dal mogħoż li jirromba destinhu fuq xifer għaddej; Tal-kotra li trid tibqa’ miexja Bla taf illi dan ħmar il-lejl, Bla tħares u taħseb dwar għada Fil-beraħ u l-wisa’ bla kejl. Li fasslet li stess bl-għodod tagħha Li fasslu il-pseudo għorrief Li fassslu u ħolmu dil-ħrafa Fuq ċattra bla qlugfħ u moqdief. Li ħasbu li dal-gżejjer ċkejkna Iħaddnu daqshekk barranin Mingħajr ma nitilfu mqar ruħna U l-bixra t’Għawdxin u Maltin. Alfred Grech 25/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
La Tistaqsix . La tistaqsix l-imgħoddi Ħallieħ ħa jgħaddi r-riefnu Gelgul ta’ dmugħ li xxerred Inkella ssir bla mira. La ttistaqsix fejn jonfoħ Ir-riħ tat-tqanqiliet l-orkestra qatt ma tieqaf u l-għanja li ma ktibtx. La tistaqsix x’inhu sewwa Il-kimika li trid tħallat Biex timla’ l-baħħ ta’ ruħ U r-resħa minn tal-oqbra. Xħin jiġi l-waqt Taħsad dal li żrajt U tibda tifhem aktar. Alfred Grech 24/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
198. Kemm il-darba sibt ruħek fuq ix-xifer? U kemm il-darba ħlift li lanqas terġa’? Sakemm s’hemmhekk għad tasal lanqas demgħa Xi xxerred ma jibqagħlek. Għax tintilef U ssib li għalik lanqas post ma jifdal Jew tieħu post li huwa ta’ ħaddieħor Fil-filliera li twassal f’tarf irdumi. Jien lanqas ma ridt naqsam il-miserja Tiegħek, inkella sarli l-ħin biex nitlaq Għar ridt ninġarr mal-bqija bħal ħaddieħor Fl-istess vagun lejn l-art tal-meravilji. Int bħali taf li bqajna attakkati Ma dak li kellna nagħtu mbagħad intbaħna Li konna tifna dak li kellna nieħdu. Alfred Grech. 22/09/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Indipendenza 2024 . Irrid ngħannilek għanja u lanqas nista’, Infakkar xtaqt ukoll jum il-ħelsien, ’Mma mnejn ser tiġi l-leħma u nibda nħarbex Jekk ġid u barka mhu qed nara mkien? Irrid niftaħar bik ja Malta tiegħi, Inxandar l-isem tiegħek ma kulħadd, ’Mma kif se nqawwi qalbi, mnejn il-ħila Jekk dak li sal-lum bnejna qed jinħatt? Min tassew jista’ jgħid li għadek ħielsa Jekk l-alla tiegħek issa saru l-flus, Bl-iskuża tat-tkabbir fl-ekonomija Spiċċajt iddur bħal rota mingħajr fus? Biegħet ġismek u tajt ruħħek lill-barrani, Tmejjilt quddiem il-kbir, quddiem il-għani. Alfred Grech 21/09/2024
- Get link
- X
- Other Apps
197 . Kull meta tqum filgħodu trid ittajjar Il-ħolm u l-ħmar il-lejl li fih kont miexi, Imqar xħin tmut, bi stil trid tħalli l-ħajja Għanja bir-ritornell u bla kuda, Inkella bħal kuluri tal-qawsalla. Għax ħajtek kollha mhux ħlief tħabbat rasek Max-xejn, fix-xejn li lilek qed jisfida Biex toħloq logħoba ġdida u b’hekk idderri. F’għajnejn il-baħħ trid tħares bi qlubija. Qlubija! Dak li jgħodd. Ma jgħodd xejun aktar. Għax il-qlubija ssawwar kull tifkira U tkun l-isfida r-rahan ta’ ħajja mdaqqsa. Mill-bqija m’għandek xejn, arloġġ itektek U l-baħħ li qed ittawwal mir-rewwieħa. Alfred Grech 21/09/2021
- Get link
- X
- Other Apps
196. G ħ anni, g ħ anni kemm ti f la ħ , xejn la tibza’ , Ma jibqa’ xejn għajr l-għanja illi tgħanni, Li tferraħ għal fit ħin, imbagħad tintesa’, Bħal kif fil-kors taż-żmien kulħadd jintesa’. Għanni, għaliex għal dakil-waqt li tidwi l-għanja Tkun tferraħ qalb ta’ min jisimgħek tgħanni, Imqar jekk ma jifhimx dak li trid tfisser, Inkella ma jarax il-wiċċ imbikkem Mistoħbi wara l-maskra li trid tilbes Saiex bħal buffu ġġedded terġa’ l-ħrafa Li l-bogħod mis-swied il-qalb, il-bogħod mid-dieqa Hemm ġenna fejn jimirħu l-innoċenti, Li l-għanja tista ddum mhux għal waqt wieħed . . . Hemm art fejn nibqgħu tfal, qatt ma nixjieħu. Alfed Grech 20/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Imqar jekk Tibqa’ Ma Tiddix. Imqar jekk tibqa’ ma tiddix Int kewkba f’galassija U t-trieq minn qalb id-dlam etern Imxejtha kemm il-darba. Twelidt kometa tiddi Iġġor l-aħbar it-tajba Kull darba tgħaddi sbrixx U ddur bla ma titfarrak. Imqar jekk ismek ma jibqax imnaqqax Fiż-żonqor ta’ l-istorja Sehemek għamiltu dejjem Esploratur tal-elusiv. Għalekk la tistaqsix Għal dak li seta’ kien Imbierek int mingħajr ma taf Imdawwar b’dijadema. Alfred Grech 17/09/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Għaliex Qed Tistaqsini? Għaliex qed tistaqsini Tweġiba jien m’għandix? Xħin l-ajru jissaħħab Is-sema m’għandux tmiem. Hemm qalbi tiżżeffen Fil-wileġ tat-tifkiriet Fejn xuxtek iddellel Ir-riħ li jrid jeħles Il-friegħi tas-siġar Min-nida. Għajjiena l-mixja tiegħi Fuq ċpar in-nostalġija. Tinsiex li aħna wqajna Fil-muta x’ħin ġejna Biex naqsmu l-oċean. Imbagħad inti sparixxejt U ħallejt warajk id-diwi. Tibżax, jien issa nibda ntir Mingħajr ma nrabbi l-ġwieneħ. Alfred Grech 14/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
L-Għanja Eterna. L-arja tqila trid twelled il-qawsalli Iżda żmien il-ħsad hu wisq il-bogħod Hemm togħma fl-umdita’ li toqtol kull tqanqila U kull darba nsib ruħi F’salib it-toroq Hekk toħroġ it-tnegħida tal-imgħoddi Li l-għannej irid iwassal għal tul l-eternita’ Nistħajjel illi fl-għabex ta’ jum itwal Ħaddieħor joħlom biss fejn kellu jasal. Ġo ħsiebi folla nies itterraq bla ma taf Fejn għad trid tasal. Innaddaf in-nużżalki u nieqaf naħseb U kewkba tgħaddi sbrixx bla ma tolqotni. Alfred Gech 12/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Għaliex. Għaliex il-ġilda qed tbiddel il-lewn, t-taħbit tal-qalb mar-rimu tal-ħsibiejiet U kollox jidher qisu F’salib it-toroq? Għaliex il-baħar na jirriflettix Is-sema U xħin inħares f’għajnejk Inkun inħares lejn ix-xefaq? Jien nara lili nnifsi Fi nżul ix-xemx U ħafna nemel Iterraq ġewwa qalbi. Alfred Grech 11/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Solitudni. Din hija solitudni tal-iktar sajf sħun Deżolazzjoni ta’ xemx f’mergħat ir-ruħ Din hija solitudni tal-eżistenza Li tiswa’ daqs in-ngħas li jibża miż-żenieq Insett li għadu ma ħariġx mill-fosdqa U jaħseb li kull ilma sar misħun Ta’ moħħ illi jintebaħ b’dak kollu Li għad iseħħ Vleġġa li tgħaddi mit-toqba Ta’ muftieħ l-eternita’ U l-mera li qed tistenna Li tkun żverġnata Taħt is-siġra ta’ ġnien Fejn l-imħabba għad triq tgħix. Alfred Grech 08/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
F’Għajnejk. F’Għajnejk ix-xefaq ta’ ħolm imbiegħed It-tarf tar-realta’ bla tmiem, It-toroq illi jwasslu għall-eżilju Id-dell ta’ min ma jażżardax. F’dirgħajk il-waqfa ta’ min għadu jaħseb U fuq ħaddejk il-ward ta’ Ġnien il-Għeden Il-qtar tad-dmugħ li għad xi darba jwassal Fil-bir illi l-imħabba ma jesgħax. Minn din it-triq irridu ngħaddu Sa mmissu it-torri tal-ivorju Fejn toqgħod int ixxejjer mill-gardjola Biex tqawwi l-qalb ta’ pellefrin. Alfred Grech 07/09/2024
- Get link
- X
- Other Apps
Orizzonti. Oriżżonti ta’ bla tmiem Li f’ġufhom irrid nindifen Biex nirxoxta mill-ġdid Awtronawta t’elf mitt kewkba. F’għajnejk l-iġfna ta’ tamietna Qed isalpaw, imma Jien dan il-vjaġġ għamiltu kemm il-darba. Irrid xintilla biex tqajjimni Minn dan in-ngħas . . . In-ngħas tal-indifferenza. Fil-wesgħat tal-wileġ bla tmiem Ilmaħt il-mewt miexja Imbagħad ma sibt ebda ħarieġa Li magħha stajt inqabbad Xħin bdejt niżżerżaq lejn l-abbiss. Għajnejn bla xefaq jroxxu qtar tad-dmugħ Isaqqu l-foresta tagħna Tad-dnubiet oriġinali. Imbagħad minn fuq is-swar tal-tifkiriet Narak qed ixxejjirli. Jekk fl-aħħar ta’ dal jum Niktiblek poeżija M’hemmx prezzha din il-mixja. Alfred Grech 05/09/2024.
- Get link
- X
- Other Apps
Irrid Inrabbi l-Ġwienaħ u Nittajjar. Irid inabbi l-ġwienaħ u nittajjar U nogħla ’l-fuq fis-sema ’l-fuq mis-sħab U nibża’ nħares l-isfel għax hemm isfel Inkun il-pellegrin mill-ġdid tallab. Irrid intir fuq sħaba sabiex ninsa’ ’L-hemm isfel hemm id-dlamm hemm biss l-abbiss U nagħmel ta’ bir-ruħi sirt tajr’oħra Biex nibqa’ ntir il-fuq u ngħanni biss. Irrid insegwi l-leħen li jsejjaħli U nħares l-isfel żgur li ma nerġgħax Lejn purċissjoni nemel dejjem jaħsen Għax ħlief ġmieħ u ġiri ma baqax. Alfred Grech 04/09/2024.