Kull Meta Jmut Poeta.

Tislima lil Profs. Charles Briffa+

 

Fis-swali fejn id-dellijiet  jimirħu

l-Imgħallem reħa’ l-pinna minn idejħ

u l-linka niexfa qiegħda issa ssefsef

F’widnejn kull min xi darba resaaq lejħ.

 

Tal-ħolm, tapezzerija ħsibijietu

Minsuġa f’waqt ta’ dwejjaq, f’waqt ta’ferħ,

Kull kelma pinzella fuq it-tila,

Ta’ qalbu tħabbat b’ritmu ssib is-serħ.

 

Bil-kitba tiegħi naqqax toroq ġodda

Fil-mażġar u fil-wileġ mifruxin,

Fejn hemm l-eroj u d-dellijiet jiżżeffnu

Fiż-żifna mqaddsa tal-ispazju u ħin.

 

Ir-rix tat-tajr mill-ġwienaħ issa siket,

Id-diwi tal-ħoss tiegħu daqs ta’ ragħaj,

F’kull vers ix-xrar ta’ moħħu u ta’ ħidmietu

Legat ta’mħabba u għaqal, dejjem ħaj.

 

Għalkemm m’għadniex interqu issa miegħu,

In-nar li kebbes f’ħajtu ma jmut qatt,

U ruħ’ għad’ hemm f’kull paġna illi tqalleb

Sabiex minn-naħħa l-oħra jżomm kuntatt.

 

Ningħaqad jien ukoll mal-ilħna l-oħra

Inweġġħu ’l-min b’kuraġġ ħolom bis-sħiħ,

Għaliex fi kliemu stess, qatt ma ninfirdu,

Inħaddnu lwien ta’ħidma u tas-sabiħ.

 

Alfred Grech

29-09-2024.

 +B’apoloġijaLil Louis Briffa.


Nota. Il-Profs.Charles Briffa   għamel studju krjtiku tal-antoloġija tiegħi Tajr tal-Karti.

It-telfa tiegħu ħalliet baħħ u sogħba kbira f'kull min b'xi mod kien jafu u/jew qara x-xogħolijiet tiegħu.

Comments

Popular posts from this blog