Posts

Showing posts from June, 2024
Image
  San Dimitri. Talbitek dik żgugina u inti smajtha Fit-tħaxwix tal-ħuxlief tal-busbież u x-xurbebb. Intilef is-sens ta’ dal-ħaġar Li darba kien id-dejr tal-allat foloz Jew tal-ġiganti. Liema qanpiena sejra tisraq Is-skiet imdemmi tax-xemx qed tbatti; Il-ħsejjes tal-moħriet? It-tperspis tal-għasafar? Min ħolom fl-għera ta’ dawn l-inħawi Li jibni dan il-maqdes Ma kienetx xi mara għawdxija Iżda xi ħadd li wegħeda tiegħu twettqet. Min ħarsek mill-qilla tal-irwiefen U l-kamla taż-żmien? Kien il-miraklu tat-twemmin Ta’ nies bla ħjena. U l-għadu tiegħek mhuwiex iż-żmien Iżda s-susa li qed tgerrem Il-qalb għawdxija. Hawnhekk int tpaxxi l-għajn Lilhinn mill-ispazji miftuħa. San Dimitri jekk għandek terġa’ tiġi Tħallix id-difer ta’ żiemel fil-blat Iżda ħuġġieġa ta’ fidi dejjiema Ta’ tama u ta’ mħabba ta’ mara raħlija. Imqar jekk il-qanpiena ddoq U mhemmx min jisma’   Alfred Grech 28-06-2024.  
Image
  Il-Ħajja Vizzju. Kif tista’ twaqqaf din i-żifna Kull nifs li tieħu sar lotterija Kull pass mar-ritmi tqal tat-tnabar Minn fuq il-qċaċet, Ġewwa l-widien Mingħajr ma tkun qed tidħak bik innifsek.   Aħna nixorbu ż-żernieq Kull meta nduqu x-xampanja effervexxenti Fis-sakra ta’ xita sajfija Fir-reħa ta’ raxx il-baħar Id-daħq iċarrat is-sejħa mudlama U t-tlugħ u nżul li lkoll nixtiequ.   Kulħadd imxennaq għal ftit tad-dija Mitlufa fil-ħsejjes ta’ filgħaxija Wara l-għabex tal-ispettaklu Waqtiet li tlifna, waqtiet li sibna Ma kull ħoss, ma kull tnehida.   Il-qalb tambur mal-għana tas-sireni Tilqagħna ġo l-għarix li jixirqilna, Niġru wara l-ħolm, niġġieldu l-biża’ Kemm bil-moħbi u kemm fid-dieher.   Nixtiequ aktar, dan mhux niżżejjed Il-morr, il-ħelu, il-lixx u l-aħrax Ma kull bewsa, ma kull offiża Infittxu t-tqanqiliet ta’ dak li aħna.   Il-ħajja tfesfis, il-ħajja twerżieq Fid-dawl tal-jum fil-ħolm t...
Image
  Vizzju.   Ħallieħ għaddej misjuq minn mewġ il-baħar Ma jistrieħ qatt, idallam u jitwieżen. X’ser nagħmel bih, dan l-mostru li ħakimni? Bil-frosta moħħi jsuq bl-ilġiem tal-vizzju, Il-kewkba matutina f’għajnejħ tilma Mitluf fil-ħolm sabiħ sirt qisni iblaħ. Għall bidu bit-tnikkir imbagħad bil-qawwa Flimkien tal-ħajja niżfnu din iż-żifna. Sal-għabex tal-lejliet, għażliet imħawwda Xi minn daqqiet ilwien qawsalla, U bqajna qatt ma ltqajna għalkemm sirt vittma. F’kull kantuniera sibt it-tentazzjoni. U ħajr għalih sirt nobgħod lili nnifsi, Filwaqt li ngħix il-qerq, is-serq u l-gideb. Tagħlaq għajnejk bl-iskuża tal-imħabba, Għalija dan tiġrib, din biss passjoni. Xi darba kelli ħajja u kont qed ngħixha Spiċċajt fuq sodda nitlob lill-mewt ġejja; Kull ħarġa tkun tqanqila jew missjoni Inkella tradiment għax tlajt il-ġenna. Insalpa f’oċean ta’ ferħ u dwejjaq Ninkalja mbagħad fuq xtajta solitarja Bix-xewqa kbira għal ġid u l-opulenza, Flus,...
Image
  Imdendla L-Kaskati.   Imdendla l-kaskati Fil-widien tat-tfesdfis U s-sema jroxx id-diwi Tal-qanpiena tat-trapass Bħal liżar il-kefen Igeżwer ħsibijieti Iċ-ċħar ta’ kull għodwa.   Subgħajja kiesħa bħall-ilma Ta’ baħar xitwi Biex bihom nitfi In-nirien ta’ kull ħolma Li tilbes il-mant imlewwen Tat-tamiet.   Alfred Grech. 22/06/2024
Image
  Eżistenza .   Ix-xewk tas-sogħba jniggeż Bħal weraq niexef tal-ħarifa Fil-ħofra ħorrox   borrox Jaqgħu   t-tamiet Tas-skiet imniġġes.   Il-ħsibijiet jitkaxkru Taħt id-dellijiet tas-siġar Xintilla tista’ tkebbes żernieq ieħor Li jroxx id-dwejjaq tiegħu Fuq il-bejt tal-għarix.   Alfred Grech 21/06/2024.
Image
  Kuntrattur.   I. Iħares lejn il-krejnijiet U flusu jsiru rmied diġitali Filwaqt li l-grattaċjeli Jixxenglu mal-irwiefen tal-istorja.   II. Iħaffer kemm iħaffer Issa sar bugħaddas Iduq il-melħ tat-trab U d-dlam tal-umdita’.   III. Imqar il-qtugħ tan-nifs Ir-riħa tal-konkos U l-kubrit ta’ fuq l-għajnejn Inessuħ is-sider bajdan Tan-nisa’ Maltin.   IV. Biżżejjed jieqaf darba U jaħseb għal ftit ħin Il-kwiekeb f’għajnejħ jgħumu U l-wileġ kollu nwar.   V. Iħares l-isfel mill-qċaċet tal-kampnari Ma jafx jekk hux iċ-ċokon Inkella l-kobor ta’ dak li jħoss ġo fiħ Li qed iwieżnu.   Alfred Grech 19/06/2024.
Image
  Issa Baqa’ Biss. . .   Issa baqa’ biss ir-riħ Li jagtħi sens lill-ħajja Il-bqija s-skiet sultan Fuq pajżaġġ itturfnat Iffullat mill-iħirsa.   It-triq lura isserrep Qalb il-ħotob tal-imgħoddi Biss issa jista’ jissewwaq l-ilma tal-kaskati   lejn mewt imġebbda sat-tarf nett ta’ xefaq is-sopriżi jew li tiġi għall-għarrieda.   Xħin toħlim ix-xenarju T’apokalissi urbana F’idejn il-boloħ tas-seklu F’idejn l-ilpup imxajtna   Imbagħad jibqa’ biss Il-mixi tall-present u tal-ġejjieni.   Alfred Grech 18/06/2024.
Image
  Xġin Sfajt Tellief.   X ħ in sfajt tellief dort dawra u mort infittex, Kif ner ġ a’ no ħ ro ġ mill-rkejjen dawk l-iħirsa Li kienu wrewni t-triq biex nista’ nasal Fejn jien illum mingħajr ma jisgħobija.   Fil-ġnien fejn timxi u trażżan l-għadab tiegħek, Fejn ħsibijiet jimirħu qrib ix-xifer Imqar tkun xrara biex issebbaħ l-għada U f’dawk id-dlamijiet il-jasar tkisser.   Alfred Grech 15/06/2024
Image
  Tkun.   Tkun vjaġġaatur Li tara biss l-eqreb quċċata. Tkun ġugarell Li wara ftit taż-żmien Tixba’ minnu.   Tkun vettura fit-triq Wara ftit tas-snin Issir ma tiswa’ xejn Titlef il-biċċiet Int u miexi.   Tkun għasfur fil-gaġġa Li ssaħħar bl-għana tiegħek Għax lanqas taf xi jfisser Ħelsien.   Tkun ħolqien ieħor Li tikber u twarrad fi ġnien il-ħajja U bħal kull werqa li taqa’ minn ġos-siġra Tinkines mal-oħrajn.   Afred Grech 09/06/2024
Image
  Ta’ Pinu.   Itajjar il-majjistral it-tqanqiliet Li darba kienu l-katina li biha kont ankrat U flokhom titfewwaq l-effervexxenza Tal-fewġa bierda li tifqa’   t-tifkiriet bħal bżieżaq fl-arja. Dan kien is-sħab Li fuqu nippassiġġa fi nżul ix-xemx Ta’ jum illi ma jafx la bidu u lanqas tmien U l-ħsibijiet bħal vaguni ta’ ferrovija Irmunkati ma xulxin Mingħajr sewwieq.   Jixirfu l-qaddisin minn wara l-għolja U l-mużajk inissik li hawn xi darba Kien dejr is-skiet u l-hemda.   Fuq l-għolja jitla’ biss minn għandu s-saħħa Min jaqta’ n-nifs jittawwal minn band’oħra.   Alfred Grech 06/06/2024
Image
  Ħemda.   Inħossu l-pis li kull ma jmur qed jagħfas U l-ktajjen ma saqajna qed jitqalu, U tħares ’l-quddiem biex tista’ taqta’ Kemm baqa’ għad għat tmien, u xħin se jasal. Kemm baqa’ biex tispiċċa’ l-purċissjoni, Kalvarju ta’ kuljum mingħajr ma sserraħ U taf li lanqas ħadd ma jiġi jgħinek U taf li ta’ kuljum matul il-mixi Qed titlef il-biċċiet tal-makkinarju. U tista’ tgħid li trid għax ħadd ma jifhmek U tista’ tgħid li trid, ħadd ma jsimgħek U kull ma jmur il-passi qed jitqalu, U tibda ssaqsi kemm se ddum ma jasal Il-jum li qatt ma jasal. Għax xħin jasal Int stess lanqas tintebhaħ illi s-seħer Telaq, ir-riħ waqaf, hemm biss il-ħemda.   Alfred Grech. 01/06/2024