Ta’ Pinu.

 

Itajjar il-majjistral it-tqanqiliet

Li darba kienu l-katina li biha kont ankrat

U flokhom titfewwaq l-effervexxenza

Tal-fewġa bierda li tifqa’

 t-tifkiriet bħal bżieżaq fl-arja.

Dan kien is-sħab

Li fuqu nippassiġġa fi nżul ix-xemx

Ta’ jum illi ma jafx la bidu u lanqas tmien

U l-ħsibijiet bħal vaguni ta’ ferrovija

Irmunkati ma xulxin

Mingħajr sewwieq.

 

Jixirfu l-qaddisin minn wara l-għolja

U l-mużajk inissik li hawn xi darba

Kien dejr is-skiet u l-hemda.

 

Fuq l-għolja jitla’ biss minn għandu s-saħħa

Min jaqta’ n-nifs jittawwal minn band’oħra.

 

Alfred Grech

06/06/2024

Comments

Popular posts from this blog