Vizzju.

 

Ħallieħ għaddej misjuq minn mewġ il-baħar

Ma jistrieħ qatt, idallam u jitwieżen.

X’ser nagħmel bih, dan l-mostru li ħakimni?

Bil-frosta moħħi jsuq bl-ilġiem tal-vizzju,

Il-kewkba matutina f’għajnejħ tilma

Mitluf fil-ħolm sabiħ sirt qisni iblaħ.

Għall bidu bit-tnikkir imbagħad bil-qawwa

Flimkien tal-ħajja niżfnu din iż-żifna.

Sal-għabex tal-lejliet, għażliet imħawwda

Xi minn daqqiet ilwien qawsalla,

U bqajna qatt ma ltqajna għalkemm sirt vittma.

F’kull kantuniera sibt it-tentazzjoni.

U ħajr għalih sirt nobgħod lili nnifsi,

Filwaqt li ngħix il-qerq, is-serq u l-gideb.

Tagħlaq għajnejk bl-iskuża tal-imħabba,

Għalija dan tiġrib, din biss passjoni.

Xi darba kelli ħajja u kont qed ngħixha

Spiċċajt fuq sodda nitlob lill-mewt ġejja;

Kull ħarġa tkun tqanqila jew missjoni

Inkella tradiment għax tlajt il-ġenna.

Insalpa f’oċean ta’ ferħ u dwejjaq

Ninkalja mbagħad fuq xtajta solitarja

Bix-xewqa kbira għal ġid u l-opulenza,

Flus, lussu mdendel b’ħajta rqiqa.

Tfixkilt il-pass u qbadt it-triq tan-niżla,

Kollox duħħan xħin tasal fuq ix-xifer;

’l-fuq mill-iskwallur bħal tajra togħola

Imbagħad ix-xemx bis-sħana tħoll il-ġwienaħ

Bħal anġlu li jindarab f’nofs titjira

Tispiċċa mbagħad mal-art: għasfur tal-passa.

 

Alfred Grech.

26/06/2024.

Comments

Popular posts from this blog