Il-Ħajja Vizzju.

Kif tista’ twaqqaf din i-żifna

Kull nifs li tieħu sar lotterija

Kull pass mar-ritmi tqal tat-tnabar

Minn fuq il-qċaċet,

Ġewwa l-widien

Mingħajr ma tkun qed tidħak bik innifsek.

 

Aħna nixorbu ż-żernieq

Kull meta nduqu x-xampanja effervexxenti

Fis-sakra ta’ xita sajfija

Fir-reħa ta’ raxx il-baħar

Id-daħq iċarrat is-sejħa mudlama

U t-tlugħ u nżul li lkoll nixtiequ.

 

Kulħadd imxennaq għal ftit tad-dija

Mitlufa fil-ħsejjes ta’ filgħaxija

Wara l-għabex tal-ispettaklu

Waqtiet li tlifna, waqtiet li sibna

Ma kull ħoss, ma kull tnehida.

 

Il-qalb tambur mal-għana tas-sireni

Tilqagħna ġo l-għarix li jixirqilna,

Niġru wara l-ħolm, niġġieldu l-biża’

Kemm bil-moħbi u kemm fid-dieher.

 

Nixtiequ aktar, dan mhux niżżejjed

Il-morr, il-ħelu, il-lixx u l-aħrax

Ma kull bewsa, ma kull offiża

Infittxu t-tqanqiliet ta’ dak li aħna.

 

Il-ħajja tfesfis, il-ħajja twerżieq

Fid-dawl tal-jum fil-ħolm tal-għada

Dawra durella fiċ-ċirku żmien

Vjaġġ illi tmiemu qatt ma tarah.

 

Għalhekk fittixni f’din it-tgħannieqa

Mogħti għal ġiri, dal-viżżju selvaġġ

Qalbi f’idejja naqbeż fil-beraħ

Hemm għad issibni f’għajn l-uragan.

Alfred Grech

28-04 2024

Comments

Popular posts from this blog