Indipendenza 2024.

Irrid ngħannilek għanja u lanqas nista’,

Infakkar xtaqt ukoll jum il-ħelsien,

’Mma mnejn ser tiġi l-leħma u nibda nħarbex

Jekk ġid u barka mhu qed nara mkien?

 

Irrid niftaħar bik ja Malta tiegħi,

Inxandar l-isem tiegħek ma kulħadd,

’Mma kif se nqawwi qalbi, mnejn il-ħila

Jekk dak li sal-lum bnejna qed jinħatt?

 

Min tassew jista’ jgħid li għadek ħielsa

Jekk l-alla tiegħek issa saru l-flus,

Bl-iskuża tat-tkabbir fl-ekonomija

Spiċċajt iddur bħal rota mingħajr fus?

 

Biegħet ġismek u tajt ruħħek lill-barrani,

Tmejjilt quddiem il-kbir, quddiem il-għani.

 

Alfred Grech

21/09/2024

Comments

Popular posts from this blog