Orizzonti.

 

Oriżżonti ta’ bla tmiem

Li f’ġufhom irrid nindifen

Biex nirxoxta mill-ġdid

Awtronawta t’elf mitt kewkba.

 

F’għajnejk l-iġfna ta’ tamietna

Qed isalpaw, imma

Jien dan il-vjaġġ għamiltu kemm il-darba.

 

Irrid xintilla biex tqajjimni

Minn dan in-ngħas . . .

In-ngħas tal-indifferenza.

 

Fil-wesgħat tal-wileġ bla tmiem

Ilmaħt il-mewt miexja

Imbagħad ma sibt ebda ħarieġa

Li magħha stajt inqabbad

Xħin bdejt niżżerżaq lejn l-abbiss.

 

Għajnejn bla xefaq jroxxu qtar tad-dmugħ

Isaqqu l-foresta tagħna

Tad-dnubiet oriġinali.

 

Imbagħad minn fuq is-swar tal-tifkiriet

Narak qed ixxejjirli.

 

Jekk fl-aħħar ta’ dal jum

Niktiblek poeżija

M’hemmx prezzha din il-mixja.

 

Alfred Grech

05/09/2024.

 

Comments