Il-Maltin Ta’
Llum
U sirna pellegrini fl-art imwiegħda
Għax artna saret lanqas għad tesgħana
Bla mappa u mingħajr xefaq emigranti
Naħarbu minn fejn ġejna u lilna nfusna.
U sar għarib għalina l-post fejn drajna
Inkella qalbna teħber għall-xi btala
Minn naħħa għall-oħra nfittxu sensazzjoni
Bla nieqfu qatt nistaqsu: hawn fejn ġejna?
Infittxu li ninsew mnejn darba tlaqna
Nikkalpestaw it-trab minn kull fejn ngħaddu
Għaliex il-bejta tagħna issa tkasbret
U nqabna nfittxu fil-baqalji vojta.
Minn kull fejn ngħaddu n-nies qed tistsaqsina
Mintomx il-ġens li twieled bla ma tnissel?
Bħar-riħ li jdur u jonfoħ bla ma jderri
U miegħu dorna dawra mejt mal-bqija.
Alfred Grech
23/12/2024.
Comments
Post a Comment