Lejlet L-Inevitabbli.

 

Għalhekk l-arloġġ itektek il-battuti

Għax kull sekonda bid-destin mtaqqla

U l-arja riħ irewwaħ sħana siekta

Biex b’hekk l-appuntament il-ħin imejjel.

 

Jiltaqgħu elf mogħodija fi sqaq wieħed.

Kull għażla pass; kull nifs sar amar;

Lanqas fejn tista’ tmur jew terġa’lura,

Kopjun miktub u aħna biss atturi.

 

Is-sema mdendel tqil b’għajnejn li jgħarfu

Is-sħab mibrum tal-ktieb iqalleb paġna,

Il-kwiekeb ma jpetptux,ma jgħidux gideb

Id-dawl li jixħtu jixhed rima ġdida.

 

U xorta waħda r-ruħ tirvilla u tagħdab

Il-ktajjen tal-ħadid bis-sħiħ tisfida

Għaliex it-tama ssaltan fil-qiegħ tagħha

Biex terġa’ tqum u  l-kors qalil iddawwar.

 

Riesaq il-lejl filwaqt li joqrob, l-għada

Il-verita’ tkun ċara u kristallina,

Minkejja l-ħolm, qalila tkun il-ġlieda

Bejn dak li tkun tixtieq u li jrid għad jiġri.

 

U hemm wieqfin fix-xfar ta’ xorti ġdida

Ma ċedejniex u lanqas iddisprajna

Iżda bil-kalma kollha l-ħsieb qed joqgħod

Biex naċċettaw dak li ser jibgħat l-għada.

 

Alfred Grech

01-12-2024.

Comments

Popular posts from this blog