Għada Niġi.
Għada niġi nħabbatlek ma bieb darek
Sa ma ndejjqek u jkollok tiftaħli.
Xorta ma tgħallimna xejn
Mill-ħsibijiet li xtarrejna
U li taqqlu dahar il-ħmar.
Ebda fellus ma faqqas
Ma ħareġ l-ebda farfett mill-fosdqa.
Għada niġi nittawwallek minn ġot-tieqa
Taħsibnix xi ħamiema bajda
Bil-werqa taż-żebbuġa
Intektiklek mal-ħġieġa
Jew niddendel ma ħoġor it-tieqa
Romeo ġdid ossessjonat
Bl-iskuża tal-imħabba.
Xorta waħda ma sibna xejn
Xħin dħalna fis-deżert tas-solitudni.
Għalhekk għada stennieni ġej
Fuq żiemel maħrub
Gwerrier ta’ dari.
Huwa aktar ta’ ġieħ li mmut bix-xabla f’idi.
Alfred Grech
22/04/2024.
Comments
Post a Comment