Ipnotożżat

 

Ipnotiżżat

Biex leħnek joqgħod jgħodd

Il-jiem sakemm tinħall id-dinja

Bħaz-zokkor fil-misħun.

 

Orqod

Qabel mal-minutieri tal-arloġġ

Jibdew jomgħodu polz idejk

Qabel ma kull tektika

Ssir akkuża ċkejkna.

 

Tista toħlom kemm trid

Ġo kamra mingħajr tqieqi

Mingħajr bibien

Tinġarr mal-ħsibijiet

Kurrenti li qatt ma jaslu.

 

Hemmhekk il-ħin ukoll jinsa’

Jagħmel xogħolu

Ma jġorrokx ġo kurituri ta’ bla mirja

Fejn kull daqqa t’għajn

Turik maskra oħra

Imqaxxra minn fuq wiċċek.

 

Hawnhekk fid-dinja ta’ min iħabrek

Is-sigħat jakkumulaw fuq xulxin

Bħal kontijiet li ma tħallsux

U l-kalendarju jsir is-susa tgerrem

Sakemm xejn ma jibqa’

Għajr id-diwi tal-ħajja dejjem tgħodd

Bik ġo fiha.

 

 

Alfred Grech

18/08/2026

Comments

Popular posts from this blog