Ħallieħ Ħa Jgħaddi Ż-Żmien.

 

Ħalliħ ħa jgħaddi ż-żmien,

Ara ma jfettillekx tistenbaħ

Biex tmur tiltaqa’ miegħu,

Tmur tiġri wara passi

Li jisparixxu.

 

Ibqa’ fejn int

Bħal għabra fuq xi mitħa

Ta’ mingħajr qlugħ

Filwaqt li s-siegħat jgħaddu siekta

Bħas-sħab fis-sema.

 

X’ser tieħu billi tħabrek?

Ix-xemx titla’ minn jeddha

l-istaġuni jaqilbu l-folji qodma tagħhom

bla ma jinqraw

U kull mogħdija ma tiftakarrx min għadda minnha.

 

Ħallieħ iż-żmien ħa jgħaddi

Orqod jekk tħoss in-nagħas

Imxi jekk toħlom li għandek timxi,

Għajnejk miftuħa għad-dinja

Iżda ruħek baqgħet mistura wara l-purtiera.

 

Ħalli t-toroq iġorruk,

Ilħna jaqgħu madwarek

Bħax-xita mal-ħġieġ ta’ tieqa magħluqa

U l-ismijiet tan-nies jitbegħedu.

 

U jekk il-lejl iferra d-dlam

Fil-hofor ta’ jdejk

Tixrob xejn għajr is-skiet

U tiskirx għajr fit-tnissija

Li tilma fuq ix-xfar

Ta’ dak kollu li stajt kont jew li ridt tagħmel.

 

Ix-xmara tibqa’ għaddejja

Il-blat ftit ftit jittiekel

Kull torri għad jiġġarraf

U l-aqwa ambizzjoni issir mafkar li jintesa

Taħt it-trab.

 

Ħallieħ ħa jgħaddi ż-żmien

La tistaqsix fejn sejjer

M’għandux destinazzjoni

Li għad tibqa’ tiftakrek.

 

Strieħ fil-kwiet taħt sema li jinbidel

Biex tħoss id-dinja ddur

Mingħajr il-permess tiegħek.

 

Sejjaħlu li trid!

Sejjaħlu għass,

Sejjaħlu għerf,

Sejjħila dimissjoni.

Forsi l-qalb li tkun għajjiet

Tbiddel il-ħemda mal-paċi.

 

Ħalliħ ħa jgħaddi ż-żmien,

Bħallkieku kont rieqed

Bħalkieku kont qed toħlom,

Bħalkieku ħmar il-lejl,

Bħalkieku d-dinja tbiegħedet minnek

U int qatt ma tgħallimt tqum.

 

Alfred Grech

17/08/2026

Comments

Popular posts from this blog