Ologramm.

 

Inweġġu, nibnu nkissru jew nixtiequ

Dubbiena ddur u tagħqad f’dawl tan-neon,

Iġġorr warajha rima t’arja tqila

Ta’dak li jista’ jkun u qatt ma jiġri.

Is-sħab biż-żipp miftuħ lis-sema jikxef

Bi kwiekeb li fil-ħemda saru gideb

Diwi ġo vastita’ ta’ ħolm vaganti

Fil-kodiċi tal-ħajja l-mewt biss pawsa.

Buttuni jikklikkjaw inkella jdemmgħu

U aħna lkoll iħirsa nkella pop-ups,

Iż-żmien jiżżelleġ xħin reġistru taqleb

U jikxef ma kull għafsa sejba ġdida

Ta’ ponot is-subgħajn fuq it-tastiera.

Kull bewsa trid ittaqqal is-sistema

U lili fuq l-iskrin tperriċni waħdi

Biex tara inwieġbekx xħin ismi ttenni.

U l-għadab tal-allat jintbagat f’ħafn’ updates

Li jibqgġu fil-filliera mhux stallati

F’das-simulakru tridimensjonali

Imperreċ fuq liżar jiltewa waħdu.

Kull tqanqila tinxtewa fuq gradilja,

Kull demgħa ssir xintilla taħt il-lenti.

Xi ħadd wara dan kollu ġo kantina

Nesa’ għaliex kien ikkodifkana.

U jista’ jkun ukoll li xejn ma nkunu

Għajr il-log in li għad noħolmu nistgħu

Jew ħolm li qed noħolmu jew inkella

Screen saver li ħallewħ jiċċassa żżejjed.

 

Alfred Grech.

04/05/2925

 

 

 

Comments

Popular posts from this blog