Min Hi Dir-Ruħ?

 

Min hi dir-ruħ li llum ma tridx tħallina,

Trid tibqa’ hawn titbandal tiela’ u nieżla’

Ma mewġ il-baħar bla ma taf fejn sejra?

Għaliex trid tkompli tterraq f’din il-mixja,

F’deżert battal, f’deżert mingħajr oasi,

Xefaq bla tmiem, siparju jisparixxi?

Għaliex trid tibqa’ tqum ta’ kull filgħodu

U tara daqshekk ċar: trid terġa’ tidħol

Fil-qalba tad-duħħan fil-baħħ tal-ħajja

Fid-dlam ta’ din il-ġrajja bla ġejjieni?

Aħjar ma tħarisx lura u ġġor miegħek

It-toqol li ġġib magħha kull tifkira,

Biex hekk ma tkun tlift xejn , għax ħafna drabi

Aħna l-bnedmin qiegħdin iż-żifna niżfnu

Ta’ min ikun iħallas lid-daqqaqa.

 

Alfred Grech

26/02/2025.

Comments

Popular posts from this blog