Li Kieku Stajt.
Li kieku stajt ninbidel u nsir anġlu
U nibda ntir ’l-fuq mis-sħab tas-sema
Nintilef f’xi illużżjoni jew xi ħolma
U nidħol fuq il-ponot ta’ subgħajja
F’moħħok u l-ħsieb tiegħek nisseduċi.
U jista’ jkun ma nsibx il-kliem li jogħla
U jitla’ ’l-fuq mis-sħab, imma bħal gawwi
Nittajjar kontra r-riħ u nerġa’ lura.
U jien li nistaqsik u rrid nisimgħek
Niġri warajk għax naf li hemm dinja oħra
F’tinwieħ ir-riħ u l-aħħar mess tal-kordi.
Alfred Grech
01/02/2025
Comments
Post a Comment