Lil Ginette.

 

Din l-aħħar tislima lil ruħ li ħallietna

Tgħannieqa mal-ħemda, maż-żiffa tar-riħ.

Għax ġwejda dil-mara bħall-bews ta’ Żefiru

Għax għexet u tħabtet u ħabbet bis-sħiħ.

 

Fil-baħħ tal-ispazju, fil-ħemda tan-niket

Fil-ġnien illi jwarrad il-ward li jitbiel;

Fin-newl ta’dil-ħajja mgħottija bil-velu,

Din l-għanja li siktet, l-għasluġ illi miel.

 

Din l-għanja ta’niket, dil-ġrajja mitmuma

Dal-ktieb li jingħalaq, u xejn bħal ma kien.

Il-passi bdew jidwu fis-swali tal-ħemda

Mimlija bil-fwieħa u dawl kullimkien.

 

Mhux ser tiżfen aktar, iż-żifna tal-ħajja

Mal-kwiekeb li jroxxu bħall-fidda tad-dmugħ.

Hi qabdet triqitha fid-dawl u fid-dija

U ssellem għall-aħħar il-biki mismugħ.

 

Fid-diwi jirbombja li jdomm kull tifkira

Fil-ħemda kull tama titwieled mill-ġdid,

Fil-wegħeda magħmula taħt sema dehebieni

Tal-ħajja li tiżboq il-mewt fit-tiġdid.

 

Ngħidulek addio! sinjura ġentili

Xħin issa se titlaq ix-xefaq kien,

U aħna li bqajna f’dal-wied u f’did-dalma

Bit-tama li darba niltaqgħu flimkien.

 

Alfred Grech

20/01/2021.

Comments

Popular posts from this blog