Ċertu Dwal. 2

 

Ċertu dwal infittxuħom aħna nfusna

Joħorġu minn dik is-saltna fejn id-dellijiet

Jilgħabu mal-ħitan u jiżfnu.

Ċertu dwal ma jpetptux

U ma jġegħeluniex nonfqu aktar.

 

Bid-daqqiet tal-pinzell

Is-sebħ ibegħed dlam il-lejl

U jfesfes f’widnejna

Wegħd’oħra li tbarri s-sens ta’ ħtija.

 

Imqar li f’nofs ta’ lejl

Il-qamar fiddien iżeffen

Fuq wiċ il-baħar il-ħolm

Ta’ sema bellusi.

 

Ċertu dwal jikxfu l-gideb

U d-dlam tagħna stess.

 

Ċertu dwal imissuhom b’idejna.

 

Alfred Grech

27/12/2023.

Comments

Popular posts from this blog