Ħallejna.

 

Ħallejna r-ritmi ġodda jiġru bina

U l-mewġ li fuqna ġie biex ikaxkarna,

Insejna t-temp u l-pass li biħ imxejna

U fl-ebda waqt ma ġie min ifakkarna.

 

Ħallejna l-fewġa ġdida ġġorna magħha

U ż-żmien li kien ħabib sar l-akbar għadu,

Irkibna mirkeb  ġdid mingħajr ma ħsibna

Li bqajna fl-istess ilma fejn nistagħdu.

 

Insejna nieqfu ftit imqar għal siegħa

Niftakru ftit fix-xtajta li ħallejna

Jew nidħlu ftit f’qoxritna biex insibu

Min aħna, fejn sejrin u minn fejn ġejna.

 

Insejna fil-wiċċ ngħumu ta’ dal-baħar

Mingħajr ma nkejlu l-fond jew id-distanzi

Minflok għodosna l-isfel biex niskopru

U vittma sirna mbagħad taċ-ċirkustanzi.

 

Alfred Grech

Milied 2023

Comments

Popular posts from this blog